Ir-reazzjonijiet dwar l-amnestija kienu ġustifikati – Dr Joe Giglio

Miguela Xuereb

“Id-dikjarazzjoni dwar l-amnestija kienet aħbar li tgerfxek u bla dubju tistenna r-reazzjoni li kien hemm, speċjalment fid-dawl tal-fatt li kollha kemm aħna ġejna mitluba nagħmlu sagrifiċċji kbar, sabiex insegwu d-direttivi”.

L-Avukat Joe Giglio qal dan meta kien qed jieħu sehem fil-programm Newsbook Hour fuq 103 it-Tnejn waranofsinhar. Ftit tas-sigħat wara s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal fil-Parlament li mhux se jkun hemm amnestija totali tal-multi li ngħataw waqt l-imxija tal-coronavirus. Hu spjega li l-Prim Ministru kien qed jirreferi għal mekkaniżmu li nħoloq biex min intortament u innoċentament qala’ ċitazzjoni tinħafirlu.

Dr Giglio stqarr li l-mod kif ġiet ippreżentata u mħabbra, tat x’jifhem li dawk li kienu inqas iddixxiplinati, inqas responsabbli u li minħabba l-aġir tagħhom setgħu infettaw lil ħaddiehor, se jingħataw amnestija. Sa]aq li bilfors li din l-aħbar tgerfxek għax stajt ma għamilt l-ebda sagrifiċċju għax il-gvern kien xorta waħda jagħtini amnestija.

Huwa kompla jgħid li r-reazzjonijiet minn naħa tal-Korp tal-Pulizija, spiżjara, front liners, li pperikolaw lilhom innfushom biex jassiguraw li n-nies qed tobdi d- direttivi, kienu negattivi. Ħassewhom bħal donnu sfaxxa fix-xejn għax fi kliemhom mhux messaġġ pożittiv għal kif nimxu għada pitgħada.

F’dan il-kuntest, Dr Giglio qal li l-amnestija tista tibgħat messaġġ negattiv kemm lil min qiegħed hemm biex jinforza u kemm lilna biex noqogħdu inqas kawti. Wieħed jista jirraġuna li jekk jillaxka ftit u jiġi mmultat jista’ japplika u jingħata amnestija.

“Dan huwa l-periklu li din is-sitwazzjoni ġġib magħha. Huwa kruċjali, li f’din il-fażi nqawwu qalb in-nies li qegħdin fuq quddiem nett li jaraw li d-direttivi jiġu segwiti.

Billi nniżżlu l-moral tagħhom ma nibagħtux messaġġ lis-soċjetà b’mod ġenerali li nirrilassaw fl-attenzjoni tagħna.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn