Ir-reazzjoni tal-Isqfijiet Maltin dwar l-unjonijiet ċivili

Fid-dawl tal-fatt li fil-Parlament se jibda jiġi diskuss l-abbozz tal-liġi dwar l-unjonijiet ċivili, l-Isqfijiet Maltin appellaw għal diskussjoni matura li tirrifletti rispett kbir lejn dawn il-persuni.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja, l-Arċisqof Pawlu Cremona, l-Isqof Mario Grech, u l-Isqof Awżiljarju Charles J Scicluna, irreferew għal dak li qal il-Papa Franġisku, li “Alla jakkumpanja lil dawk il-persuni (li għandhom orjentament omosesswali) u aħna għandna nakkumpanjawhom billi nitilqu mis-sitwazzjoni tagħhom”.

Sostnew li fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, mhux se jtennu ‘it-tagħlim tal-Knisja’ fuq is-suġġett, iżda jħeġġu lil dawk impenjati fil-formazzjoni Nisranija u fil-katekeżi biex jissuktaw jipproponu dak li tgħallem il-Knisja dwar is-suġġett.

L-Isqfijiet qalu li għandhom fiduċja li d-Deputati Parlamentari Maltin se jagħmlu ħilithom biex waqt li jiddiskutu dan l-abbozz, juru rispett kbir lejn il-persuni kollha involuti, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-ġid komuni.

Dwar l-addozzjoni, li skont l-abbozz ‘l-imsieħba f’unjoni ċivili’ se jkollhom dritt għaliha, l-Isqfijiet saħqu li dan huwa suġġett delikat ħafna għax jolqot lit-tfal. Żiedu jgħidu li jkun għaqli jekk il-leġiżlatur jieħu ż-żmien tiegħu biex f’dan ir-rigward jagħmel għażliet tajbin.

“It-tfal preferibilment għandhom jirċievu t-trobbija mill-ġenituri tagħhom, raġel u mara”, iżidu l-Isqfijiet.

Appellaw ukoll lill-Parlamentari, biex ikomplu jieħdu miżuri li jsaħħu l-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, għax il-familja “tibqa’ l-bennejja primarja u ewlenija tas-soċjetà.”