Ir-reazzjoni ta’ Muscat turi diżrispett; ġejjin aktar investigazzjonijiet – Giegold

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Sven Giegold qal li r-reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat għar-reazzjoni tar-Rapport dwar ir-rispett tal-liġi f’Malta kienet waħda li turi diżrispett u li ġejjin aktar investigazzjonijiet.
L-MPE Giegold, li jifforma parti mill-partit tal-ħodor, kien wieħed mill-MPEs li ġew jinvestigaw is-sitwazzjoni kurrenti f’Malta. Ir-Rapport kien sab nuqqasijiet u kien sejjaħ għat-tkeċċija tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri.
Giegold qal li r-reazzjoni ta’ Muscat għar-Rapport li kellu l-appoġġ tal-MEPs kollha li ġew jinvestigaw lil Malta kien wieħed li juri diżrispett. Fakkar kif ir-rapport żvela dettalji dwar l-irwol tal-Pulizija, il-korruzzjoni, u l-possibbiltà li kien hemm influwenza fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Mistoqsi mill-ġurnalisti għar-reazzjoni tiegħu dwar ir-Rapport, il-Prim Ministru qal li ma jaqbilx mal-analiżi li saret.
Fi kliem Giegold, hemm il-ħtieġa ta’ konsegwenzi serji u aktar dibattiti fuq livell Malti u Ewropew fid-dawl tar-Rapport.
Il-MPE Ġermaniż spjega li l-Parlament Ewropew se jkun qed jiddiskuti r-Rapport. Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans se jiġi kkuntattjat għal aktar diskussjonijiet. Żied jgħid il-Bank Ċentrali Ewropew se jintalab iwettaq aktar investigazzjonijiet.