“Ir-reazzjoni ta’ Muscat għar-riżoluzzjoni hija assurda u inġusta” – Repubblika

PL

Repubblika qalet li r-reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat għar-riżoluzzjoni li tikkonċerna lil Malta, hija assurda u inġusta. Muscat qal li r-riżoluzzjoni m’għandiex tingħata attenzjoni minħabba li kienet preġudikata u minħabba li kien hemm politiku mill-Oppożizzjoni li ġie kkonsultat meta kienet qed tiġi mfassla.

Fi stqarrija Repubblika qalet li Malta teħtieġ li timplimenta b’urġenza riformi istituzzjonali b’mod komprensiv, wara proċess ta’ konsultazzjoni inklużiva u trasparenti. Il-moviment qal li l-gvern għandu jiżgura li meta jintroduċi riformi taħt l-iskuża li dawn huma konformi mal-proposti tal-Kummissjoni ta’ Venezja, għandu jidher ċar li l-gvern verament ikkonsulta lill-Kummissjoni ta’ Venezja fir-rigward tar-riformi li jipproponi.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa approvat it-talba li Repubblika għamlet lill-istituzzjonijiet Maltin biex iwettqu dmirijiethom u ma jippermettux lil xi kriminali li għandhom poter politiku jevadu l-liġi. Dan il-motiv ġie indirizzat lill-Maġistrati, lill-Avukat Ġenerali, lill-Pulizija, lill-FIAU, u lil dawk kollha li qed ikaxkru saqajhom u jagħlqu għajnejhom il-waħda jew it-tnejn biex jippermettu lil Keith Schembri u l-Konrad Mizzi jevadu l-liġi. Skont Repubblika, kaġun ta’ dan, ġiet introdotta kultura ġdida li biha jekk xi ħadd hu ħabib ta’ Joseph Muscat, jista’ jagħmel dak kollu li jixtieq.

Mill-banda l-oħra, il-kollass istituzzjonali tal-Oppożizzjoni Parlamentari Maltija, ifisser li riżoluzzjoni serja daqs dik meħuda mill-Kunsill tal-Ewropa rigward Malta, waqgħet fuq widnejn torox. Il-moviment qal li l-Oppożizzjoni hi mehdija mill-kriżi interna li għandha bħalissa, u l-ħtiġijiet immedjati u serji tal-pajjiż qed jitwarrbu għal kollox.

Repubblika qalet li Malta għandha l-opportunità li tikkonvinċi lill-bqija tad-dinja li hi kapaċi tindirizza l-problemi tagħha billi timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li sarulha. Apparti minn inkjesta tassew indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, trid issir riforma kostituzzjonali serja u trid tittieħed azzjoni kriminali kontra l-kriminali li weħlu mal-poter politiku f’Malta.

Fi stqarrija l-moviment qal li diġà qed jinħassu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Il-falliment tal-istituzzjonijiet milli jiġġieldu kontra l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern, Malta akkwistat reputazzjoni ta’ pajjiż li fih issib kriminalità organizzata u korruzzjoni. Huma stqarrew li kien hemm diġà Bank Malti li ingħalaq mill-Bank Ċentrali Ewropew, u ieħor qed jiġi mmonitorjat mill-qrib u qiegħed taħt theddida serja li jingħalaq ukoll. Il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm fuq il-mod ta’ għejxien tal-Maltin u l-Għawdxin hu kbir wisq.

Aqra: Diġà għidt li ma naqbilx mal-kontenut tar-riżoluzzjoni ta’ Omtzigt – Muscat