“Ir-reazzjoni ta’ Dr Simon Busuttil kienet xotta u mhux korretta” – FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK, qalet li tul din il-kampanja elettorali, s’issa qagħdet lura milli tikkummenta rigward x’jista jingħad dwar il-kaċċa u l-insib minn xi kandidat li se jikkontesta l-elezzjoni. Żiedet pero, li wara li kaċċatur żagħżugħ ġie rrappurtat jiffaċċja lill-Viċi Kap Nazzjonalista Dr Simon Busuttil bl-ilmenti li sejħet ġustifikati tiegħu, l-FKNK qalet li ma tistax ma tikkummentax.

L-FKNK qalet li r-reazzjoni ta’ Dr Busuttil kienet waħda xotta u mhux koretta.

“Tali risposta, mhux talli ħalliet liż-żagħżugħ bla sodisfazzjon, iżda tikkonferma li dak li kien jingħad kemm mill-PN fil-Gvern u mill-istess Dr Busuttil, dak iż-żmien bħala rappreżentant tal-MIC, kien biss qiegħed jingħad sabiex jintlaħaq l-għan li jinġabru l-voti IVA. Li ġara wara u li wassalna għas-sitwazzjoni miskina li ninsabu fiha llum, jidher li jista’ jkun li ma jinteressax aktar lil Dr Busuttil; l-aqwa li wasal fejn ried dak iż-żmien”, kompliet il-Federazzjoni.

L-FKNK żiedet li Dr Simon Busuttil, bħala delegat speċjali tal-Prim Ministru, qatt ma bagħat għaliha. Il-Federazzjoni stiednet lil Dr Busuttil biex meta jrid, fejn irid u xħin irid, pubblikament jiltaqa’ ma’ xi uffiċjal tal-istess Federazzjoni, bil-għan li ż-żewġ naħat jiddiskutu l-ilmenti imressqa minn dak iż-żagħżugħ imweġġa’, sabiex wieħed ikun jista’ janaliżża min minn dejjem qal il-verità, u min illum qed ibati l-konsegwenzi ta’ dak li sejħitlu gideb.