Ir-realtà ta’ familji b’ġenitur wieħed f’seminar għall-pubbliku

Skont l-aħħar ċensiment ta’ 4 snin ilu, f’Malta hawn 10,631 ġenitur li qed imexxi familja waħdu li fiha hemm mill-inqas wild wieħed ta’ taħt it-18-il sena.
Dawn il-familji b’ġenitur wieħed ifissru 9% tar-residenzi li fihom jgħixu mill-inqas żewġ persuni.
Din ir-realtà se tkun l-isfond ta’ konferenza organizzata mill-Università ta’ Malta u mill-Ministeru tal-Familja li matulha se jitħabbru r-riżultati ta’ żewġ studji.
Il-konferenza, fl-Aula Magna tal-Università l-Antika fil-Belt Valletta, li se ssir nhar il-Ġimgħa filgħodu, hi miftuħa għall-pubbliku.
L-ewwel studju hu wieħed li sar mal-ġenituri weħidhom kollha f'Malta li għandhom l-iżgħar tifel jew tifla ta’ tliet snin.
Permezz tiegħu, inħarġet l-istampa vera tal-għajnuna li jsibu, l-aspirazzjonijiet u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. Fil-konferenza se ssir ukoll analiżi tal-politika attwali u kif din titħaddem.
L-istudju sar mill-Professur Angela Abela, Dr Frank Bezzina, Claire Casha u Dr Rose Marie Azzopardi.
It-tieni preżentazzjoni se tagħti ħarsa lejn studji li saru barra minn Malta, dwar xi jwassal għal tipi differenti ta’ familji b’ġenitur wieħed u x’politika tgħinhom, u kif dawn jistgħu jiġu tradotti għall-kuntest lokali.
Il-preżentazzjoni se ssir mill-Professur Paul Montgomery mill-Università ta’ Oxford li miegħu se jingħaqdu riċerkaturi lokali.