Filmat: L-Għagħa tar-Re tal-Ġungla tinstema’ tidwi fil-Kinder ta’ San Ġwann

Read in English.

Għal darb’oħra l-għalliema tal-Kinder tal-iskola Primarja ta’ San Ġwann laqgħu liċ-ċkejknin tagħhom b’mod brijuż. It-tema magħżulha għal din is-sena kienet ispirata mill-film ta’ Disney – The Lion King.

Biż-żfin u kostumi l-għalliema allegraw l-ewwel ġurnata ta’ skola ta’ dawn iż-żgħar. Il-biki li ġeneralment jinstema’ u li jiddomina fl-ewwel jum ġie megħlub miċ-ċapċip u l-mużika u rnexxielu jpoġġi tbissima fuq fomm kulħadd – żgħar u kbar. Wara, it-tfal bdew il-vjaġġ twil akkademiku tagħhom ġol binja tal-Kinder li ġiet trasformata f’ġungla mill-isbaħ. Żgur li hija memorja sabiħa li ser jibqgħu jgħożżu!

Ta’ min jgħid li din is-sezzjoni tal-Kinder tilqa’ fiha madwar 200 student. Din inbniet ftit tas-snin ilu u ħadet post il-Kinder l-antika li kienet tinsab fi stat degradanti ħafna. Għal dawn l-aħħar snin kienet qed tintuża minn Klabb 3-16.

Il-kap tal-iskola, is-Sur David Mario Caruana, ħass li personalment kien qed jonqos lit-tfal, li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz, u li kien qed ikollhom iqattgħu l-ħin f’ambjent li xejn ma jolqot l-għajn u li lanqas jixirqilhom.

Is-Surmast ħass li kien hemm bżonn ta’ ristrutturar u li terġa tingħata l-ħajja mill-ġdid. Għadaqstant, permezz t’attivitajiet organiżżati matul is-sena skolastika li għaddiet, huwa rnexxielu jibddilha ta’ taħt fuq u jagħtiha dehera liema bħala.

Mill-qliegħ kollu li sar minn numru ta’ inizjattivi, fosthom – il-Christmas Market u l-iSpring Fair, organiżżati fuq bażi volontarja mill-għalliema u ġenituri, twettaq dan il-proġett.

Ix-xogħol kien jinkludi t-tibjid tal-kmamar/klassijiet kollha, żebgħa għall-aperturi, sollijiet, xiri ta’ purtieri u materjal ieħor kif ukoll it-tisbieħ tal-kurutur li ngħata l-ħajja mill-ġdid b’daqqiet ta’ pinzell ikkuluriti mis-Surmast innifsu.

Grazzi kbira tmur għal dawk il-persuni kollha li taw sehemhom biex dan il-proġett iseħħ.

“Nemmen bi sħiħ li l-iskola titqies bħala t-tieni dar għat-tfal. Uħud minnhom tista’ tgħid li jqattgħu aktar ħin hawn milli fid-dar projpja tagħhom. Allura jixirqilhom li jkunu f’post sabiħ u komdu, post denju u xieraq.” D.M. Caruana.
Dan huwa biss wieħed mis-sensiela ta’ proġetti li għandu f’moħħu għal din l-iskola is-surmast Caruana.