Ir-Re tal-Ġordan jisħaq li l-ISIS qatel 100,000 Musulman

Dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani hi "gwerra interna fost Musulmani".
Hekk iddeskriva l-vjolenza fis-Sirja, fl-Iraq u f’pajjiżi oħra, ir-Re Abdullah tal-Ġordan li sostna li l-Istat Iżlamiku s’issa qatel iktar minn 100,000 Musulman.
Tenna l-opinjoni tiegħu, li l-Oċċident u l-Orjent huma mhedda mit-Tielet Gwerra Dinjija kontra l-umanità.
Abdullah reġa’ sostna l-appell tiegħu għal ġlieda komuni kontra t-terroriżmu.
Sadanittant, l-Istat Iżlamiku ħa r-responsabiltà tal-attentat ta’ qtil ta’ saċerdot Taljan, missjunarju, fil-Bangladesh ilbieraħ fejn dan l-aħħar żdiedet il-vjolenza minn Musulmani estremisti kontra barranin.
Is-saċerdot jinsab f’qagħda stabbli wara li ntlaqat b’tiri ta’ armi tan-nar f’rasu u f’għonqu.
F’isem l-Istat Iżlamiku wkoll kien hemm attentat ieħor ta’ qtil, din id-darba f’Marsilja fi Franza, fejn irġiel taw diversi daqqiet ta’ sikkina lil għalliem Lhudi.