“Ir-razziżmu huwa insult lil Alla” – L-Isqof Galea Curmi

“Ir-razziżmu huwa insult lil Alla, għaliex Alla ħalaqna lkoll xbieha tiegħu”. Hekk qal l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi meta kien qed iqaddes fil-Kappella tal-Kurja.

L-Isqof Awżiljarju qal li  “ma tistmax lil xi ħadd għax hu iswed – qed tinsulta lil Alla, li ħalaq lil kulħadd, hu min hu, xbieha tiegħu. Jekk jien ma nistmax lil xi ħadd għax hu iswed, jien li għandi problema, mhux hu li għandu problema”.

Huwa żied jgħid li  “aħna nafu li r-razziżmu jmur direttament kontra dak kollu li nemmnu fuq Alla u fuq l-imħabba li hu qiegħed fina li għandna ngħixuha billi nirrispettaw il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna”.

“Ir-razziżmu huwa dnub”

Dak li qal l-Isqof Galea Curmi mhu xejn ħlief it-tagħlim tal-Knisja dwar is-suġġett.

Il-Papa Franġisku meta kien qed jitkellem waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa dwar il-qtil ta’ George Floyd qal li r-razziżmu huwa dnub. Huwa qal li l-Insara ma jistgħux jittolleraw ir-rażżiżmu jew jagħlqu għajnejhom quddiemu.

Huwa kkundanna wkoll il-vjolenza li saret minn dawk li kienu qed jipprotestaw il-qtil “għax xejn ma jintrebaħ mill-vjolenza”.