Malta b’aktar kanċer tal-istonku u l-frixa mill-medja Ewropea

Ir-rata tal-kanċer tal-istonku u dak tal-frixa f’Malta hi ogħla mill-medja Ewropea. 
Dan ħareġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Deo Debattista.
Mizzi spjega li fil-ħames snin ta’ bejn l-2009 u l-2013, f’Malta ġew rappurtati 293 każ ta’ kanċer tal-istonku u 355 każ ta’ kanċer tal-frixa. Fiż-żewġ tipi ta’ kanċer, l-għadd ta’ pazjenti rġiel kien jiżboq lil dak ta-nisa. 
Fil-każ tal-kanċer tal-istonku kienu rappurtati 188 każ fuq irġiel u 105 każ fuq nisa. Dan kien ifisser medja ta’ 11.1 każ kull 100,000 raġel u  5.5 każ kull 100,000 mara. Il-medja Ewropea kienet ta’ 10.1 kull 100,000 u 4.8 kull 100.000 rispettivament. 
Id-differenza bejn il-medja f’Malta u dik fl-Unjoni Ewropea kienet ikbar fil-każ tal-kanċer tal-frixa fl-irġiel. F’Malta kienu rappurtati 184 każ jew medja ta’ 15.6 kull 100,000, waqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 12.2 kull 100,000. Il-każi fuq pazjenti nisa kienu 171 li jfissru medja ta’ 10.2 kull 100,000 persuna f’Malta. Il-medja Ewropea wkoll kienet iktar baxxa b’rata ta’ 9.4 kull 100.000
L-ikbar ammont ta’ każi ta’ kanċer tal-istonku f’Malta fis-snin imsemmija kienu rappurtati f’Għawdex bi 30 każ, segwit mill-Ħamrun u Ħaż-Żabbar b’14-il każ kull wieħed. F’Tas-Sliema kienu rappurtati 13-il każ. Iż-Żejtun segwa bi 12-il każ.
Għawdex kellu wkoll l-ogħla numru ta’ każi ta’ kanċer fil-frixa bi 32 każ. Fit-tieni post ikklassifikaw ż-Żejtun u San Pawl il-Baħar bi 18-il każ f’kull lokalità. F’Tas-Sliema kienu rappurtati 17-il każ waqt li f’Birkirkara, li klassifikat fil-ħames pos,t kienu rappurtati 15-il każ.