Ir-rata ta’ suċċess tal-IVF f’Malta hi ta’ 18.5 % – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li matul l-2019 saru 124 ċiklu sħiħ tal-IVF, 80 f’Mater Dei u 44 fi sptarijiet privati. Dawn iċ-ċikli wasslu għal 28 tqala, 5 nisa korrew, 5 kellhom wild – sitt trabi, koppja kellhom tewmin. 18-il mara għadhom qed jistennew tarbija.

Il-Ministru għas-Saħħa llejla poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tad-deputati r-rapport annwali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA), għas-sena 2019.

Huwa qal li r-rata ta’ suċċess (take home baby rate) f’pajjiżna hi ta’ 18.55%.

Fost il-proċeduri li saru matul l-2019 kien hemm 88 proċedura fejn ġiet ippreservata l-isperma, fosthom ta’ raġel li għaddej mill-proċess biex isir mara. Saru wkoll 173 proċedura – intra uterine inseminations, 117 minnhom f’Mater Dei u 56 fi kliniċi privati. Dawn wasslu għal 8 nisa li ħarġu tqal, 3 minnhom korrew u 5 qed jistennew tarbija.

Fost il-koppji li resqu għal trattamenti tal-IVF, il-problema ta’ infertilità kienet ilha għaddejja bejn tliet xhur u 15-il sena.