Ir-rata globali tal-imwiet bil-coronavirus tista’ tkun aktar minn dik rappurtata

Reuters

Il-gazzetta The Financial Times irrapportat li r-rata tal-imwiet minħabba l-coronavirus tista’ tkun sa 60% aktar minn dik irrappurtata fi statistika uffiċjali. Dan skont analiżi tal-imwiet globali matul il-pandemija f’14-il pajjiż li saret mill-ġurnal.

Statistika tal-ammont tal-imwiet turi li kien hemm 122,000 mewta aktar mil-livelli normali madwar dawn il-postijiet, rata konsiderevolment aktar għolja mis-77,000 mewta uffiċjali bil-coronavirus irrappurtati għal dawn l-istess postijiet u l-istess perjodi ta’ żmien.

Jekk l-istess livell ta’ rappurtaġġ nieqes li kien osservat f’dawn il-pajjiżi kien qed jiġri madwar id-dinja, ir-rata ta’ mwiet globali minħabba l-coronavirus titla’ mit-total uffiċjali attwali ta’ 201,000 u tilħaq l-ammont ta’ 318,000. Biex tikkalkula l-imwiet żejda, l-ġurnal qabbel l-imwiet minn kwalunkwe kawża fil-ġimgħat ta’ qabel it-tifqigħa tal-marda f’dak il-post, partikolarment l-imwiet f’Marzu u April tal-2020, mal-medja għall-istess perjodu bejn l-2015 u l-2019. It-total ta’ 122,000 mewta jammonta għal żieda ta’ 50% fil-mortalità globali mqabbla mal-medja storika għall-postijiet osservati.

Fil-pajjiżi kollha ħlief fid-Danimarka, l-imwiet żejda kienu ħafna aktar mir-rati uffiċjali ta’ mwiet minħabba l-coronavirus. L-eżattezza tal-listatistika uffiċjali tal-imwiet mill-virus hija llimitata mill-effettività li biha l-pajjiż qed jittestja lill-persuni biex jikkonferma l-każijiet. Ċerti pajjiżi, inkluż iċ-Ċina, irrevedew l-għadd ta’ mwiet tagħhom minħabba l-marda b’mod retroattiv.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn