Ir-ras iebsa tal-baħar tkompli tnaqqar mit-tieqa tad-Dwejra

Kif jgħid il-Malti, il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa u din ir-ras iebsa kompliet tnaqqar it-Tieqa tad-Dwejra.
Ritratt meħud dalgħodu minn Anthony Grech juri biċċa ġebla, kbira mhux ħażin, li waqgħet mal-mewġ mill-ġenb tat-tieqa.
F'dawn l-aħħar xhur mit-Tieqa tad-Dwejra waqa' numru ta' blat.
Ritratt li kien tefa' fuq Facebook l-għaddas Pete Bullen, kien juri ġebel kbir li kien għadu kemm waqa’ mit-Tieqa.
Minħabba l-periklu u l-istat dgħajjef tat-Tieqa saru diversi talbiet biex ikun hemm aktar sigurtà fl-inħawi.
Fost miżuri, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Kumitat tad-Dwejra, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex u Nature Trust Malta, installaw kamera biex tgħasses it-Tieqa tad-Dwejra f’Għawdex.
Miżuri oħra inkludew titjib tas-sinjali fis-sit u aktar tixrid ta’ informazzjoni biex jiżdied l-għarfien u t-Tieqa tiġi protetta aktar.
Ir-riħ, li laqat lill-gżejjer Maltin fil-jiem li għaddew, wassal għall-mewġ qawwi li laqat diversi nħawi fosthom id-Dwejra.
Ftit jiem ilu, seba’ persuni li kienu fuq il-blat fid-Dwejra tkaxkru mill-mewġ u spiċċaw fil-baħar.