Ir-rappreżentanti politiċi tal-Lvant tal-Libja mhux se jattendu għal-laqgħat ta’ paċi

FILE PHOTO: REUTERS/Costas Baltas

Read in English.


Il-politiċi tal-Lvant qalu li n-Nazzjonijiet Uniti, li qed taġixxi ta’ medjatur fid-diskussjonijiet f’Ġinevra, ma kinitx approvat il-membri kollha li kienu mressqa biex jiffurmaw parti mid-delegazzjoni tagħhom. Ir-rifjut tad-delegati li jattendu għal dawn il-laqgħat hija l-aħħar daqqa ta’ ħarta għall-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti biex ittemm l-offensiva tal-forzi ta’ Haftar, intiża biex tintrebaħ il-kapitali Tripli, u li issa ilha għaddejja kważi sena.


In-Nazzjonijiet Uniti kienet qed tippjana li tiġbor flimkien rappreżentanti politiċi miż-żewġ naħat tal-kunflitt fil-Libja nhar l-Erbgħa biex ittemm il-ġlied fuq Tripli bħala parti minn djalogu li fih elementi militari, politiċi u ekonomiċi.


Intant, il-Gvern Libjan rikonoxxut mill-komunità internazzjonali ddeskriva lil Haftar bħala “kriminal tal-gwerra” u talab li jirtira l-forzi tiegħu li qed jheddu l-kapitali.


Il-Gvern, li kien għoddu rtira mid-diskussjonijiet f’Ġinevra l-ġimgħa li għaddiet, ikkundanna lill-forzi ta’ Haftar għall-attakk fuq il-port ta’ Tripli ftit wara li bdew in-negozjati.

Skont stqarrija tal-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja, uffiċjali militari ewlenin miż-żewġ naħat qablu l-Ħadd li għadda biex iressqu abbozz ta’ ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied lill-mexxejja tagħhom qabel ma jerġgħu jitlaqgħu x-xahar id-dieħel.