Ir-rapport tal-Maġistrat Joe Mifsud fih ħafna nuqqasijiet – Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li r-rapport li lesta l-Maġistrat Joe Mifsud dwar l-imwiet tal-immigranti fih ħafna nuqqasijiet.

Fi stqarrija Repubblika qalet li bagħtet ittra lill-Avukat Ġenerali biex jibgħat lura r-rapport tal-Maġistrat Mifsud.

Repubblika qalet dan minħabba li r-rapport t’inkjesta fih ħafna nuqqasijiet inkluż l-esklużjoni “ta’ xhieda importanti li ġabar il-Maġistrat iżda li skarta għal kollox.”

“Qed nitolbu li tiġi inkluża u pubblikata x-xhieda li taw 66 persuna li kienu abbord dgħajsa li ddaħlet Malta f’dik il-ġimgħa t’April. U li tiġi inkluża wkoll ix-xhieda ta’ Neville Gafà u tal-kap tas-segretarjat tal-prim ministru Clyde Caruana li tħallew barra mir-rapport. Il-komunikazzjoni ta’ bejn dawn it-tnejn ġiet eskluża mir-rapport tal-inkjesta minkejja li din l-evidenza tista’ tikkonferma jekk kienx Robert Abela jew uffiċjal tiegħu li ordna pushback illegali bi ksur tal-liġi internazzjonali,” qalet Repubblika.

Repubblika qalet ukoll li ma kienx sew li l-inkjesta m’għamlet l-ebda attentat li tisma’ x-xhieda ta’ 51 migrant li raw 12-il persuna jmutu quddiem għajnejhom.

“Iċ-ċirkostanzi u l-ħin tal-mewt ta’ dawn it-12 huma kruċjali biex issir magħrufa l-verità dwar x’ġara. Mingħajr verità ma jistax ikun hemm ġustizzja,” qalet l-għaqda.

“F’aktar minn 400 paġna tal-inkjesta, l-ismijiet tal-vittmi tal-Massakkru tal-Għid jissemmew biss fir-riproduzzjoni tad-denunzja li għamlet Repubblika u f’rikors tal-qraba ta’ tnejn mill-vittmi. Liema rikors il-Maġistrat injora għal kollox.

“Il-fatt li l-inkjesta lanqas biss issemmi b’isimhom lil Omar, Mogos, Hzqiel, Hdru, Huruy, Teklay, Nohom, Kidus, Debesay, u t-tlett irġiel li kien jisimhom Filmon jindika li l-inkjesta ma fittitx li troddilhom ġustizzja. Dawn huma persuni li ċċaħditilhom id-dinjità umana tagħhom tul l-għomor qasir tagħhom. Lanqas ħaġa li setgħet tagħmel l-inkjesta Maġisterjali hi li ttihom id-dinjità umana, tarafhom bħala persuni b’isem u trendilhom wara mewthom il-ġustizzja li ċċaħditilhom f’ħajjithom,” qalet Repubblika.

Repubblika temmet tgħid li l-fatti jiġu stabbiliti, anke meta dawk il-fatti jkunu skomdi għall-gvern.

Tista’ taqra l-ittra ta’ Repubblika minn hawn: