“Ir-rapport tal-Bord tal-Pulizija juri li hemm bżonn tisħiħ fl-akkademja tal-Pulizija” – Il-Ministru Mallia

Wara li lbieraħ kienu ppublikati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord li nvestiga l-arrest bi żball ta’ Darryl Luke Borg, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta` Nazzjonali Manuel Mallia, qal li dan ir-rapport juri t-tisħiħ li hemm bżonn fl-akkademja tal-Pulizija u fil-mod kif isiru l-investigazzjonijiet.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għall-konferenza li saret aktar kmieni mill-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Intern Jason Azzopardi, l-Ministru Mallia qal li "mhux aċċettabli li spettur tal-Pulizija ma jkunx jaf jagħmel att ta' akkuża jew jibgħat messaġġ internament fil-Korp tal-Pulizija meta jressaq lil xi ħadd il-qorti."

Mallia żied jgħid li b’differenza għal dak li għamel Jason Azzopardi, hu mhux se jikkumenta fuq ir-rapport li għadu jrid jgħaddi mill-proċeduri tal-liġi tas-servizz pubbliku. Kien għalhekk li l-Ministru saħaq li Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbilita` politika, għax fi kliemu qed jipprova jxekkel l-investigazzjoni tal-Bord tal-Pulizija.

Manuel Mallia temm jgħid li dan huwa attakk mill-Partit Nazzjonalista fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.