“Ir-rapport tal-bord tal-pulizija huwa traversija tal-ġustizzja” – Dr Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li r-rapport tal-bord tal-pulizija huwa traversija tal-ġustizzja. F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, dwar il-każ ta’ Darryl Luke Borg, Dr Busuttil sostna li r-responsabbiltà għal din it-traversija mhix tal-bord imma ta’ min talab lill-bord jinvestiga lil min ikkoreġa l-iżball minflok lil min ressaq persuna innoċenti bi żball.

Dr Busuttil sostna li l-każ ta’ Darryl Luke Borg hu ieħor minn sensiela ta’ żbalji kbar li qegħdin isiru mill-Kummissarju tal-Pulizija u dan juri li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun jesprimi r-riservi tiegħu għall-ħatra politika ta’ attivist politiku biex ikun Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li ladarba li l-pulizija qed titlob rekord tat-telefonati ta’ vittma innoċenti, issa m’hemmx garanzija li mhux isir l-istess ma’ ċittadini komuni oħra. Il-Kap Nazzjonalista wissa lill-Kummissarju tal-Pulizija li mhux se jħalli lill-Korp isir każin politiku.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar ir-rapport tax-xiri taż-żejt b’diskussjoni li bdiet din il-ġimgħa fil-kumitat dwar il-kontijiet pubbliċi. Dr Busuttil qal li l-Awditur Ġenerali stess ikkonferma li r-rapport ma sab l-ebda reati u konnessjoni kriminali imma żbalji ta’ natura amministrattivi, filwaqt li qal ukoll li issa l-Gvern qed jirreżisti milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.

Intant b’referenza għal dan, il-Partit Laburista sostna li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jattakka istituzzjonijiet rispettati f’pajjiżna. Intqal li spikka l-aktar l-attakk ta’ Busuttil fuq il-Kummissarju tal-Pulizija filwaqt li ddefenda lill-ispettur Elton Taliana li mir-rapport tal-Bord tal-Pulizija ġie konkluż li Taliana wettaq nuqqasijiet fil-qadi ta’ dmirijietu. Intqal ukoll li Dr Busuttil attakka wkoll l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.