“Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali juri li ma kienx hemm tmexxija tajba”

Il-Ministri Owen Bonnici u Edward Zammit Lewis sostnew li dak ħareġ mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-encroachments li ngħataw qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali juri kif ma kienx hemm good governance.
Owen Bonnici elenka kif mir-rapport joħroġ kif kien hemm l-ogħla rata ta’ konċessjonijiet li ngħataw fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni, u li dawn l-istess konċessjonijet baqgħu jingħataw sa lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Stqarr li f’ċertu każijiet kienu mħallsa wkoll inqas f’miżati mill-minimu stabbilit mid-Dipartiment.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda kredibilità biex jitkellem fuq good governance, meta fi kliemu hemm Kap tal-Oppożizzjoni tad-double standards, fejn dak li jgħid fuq kompetenza u meritokrazija, japplika biss għal esponenti tal-Partit Laburista, iżda mhux għall-Oppożizzjoni.
Zammit Lewis qal li dawn il-każijiet seħħew meta Simon Busuttil kellu s-saħħa jinfluwenza politikament meta kien Viċi Kap.

Reazzjoni PN
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li jekk hawn xi ħadd li m’għandu ebda kredenzjali jitkellem dwar it-tmexxija tajba f’pajjiżna, huwa il-Prim Ministru Joseph Muscat, li f’sentejn u nofs baxxa l-livell tat-tmexxija fil-qiegħ nett.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li mir-rapport tal-Awditur Ġenerali jirriżulta li l-Prim Ministru gideb meta qal li Jason Azzopardi ffirma mal-100 encroachment fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali.
Intqal li l-NAO kkonferma li l-ebda wieħed mit-13-il permess ma twaqqfu malli nbidel il-Gvern.