Due diligence: Kull komunikazzjoni ma’ Fenech missha nqatgħet; u t-taxxa missha tħallset fil-ħin

Aġġornat 06:06 PM
Dar-Centrali-PN
Miguela Xuereb

Read in English.

“Il-kummissjoni mqabbda biex tagħmel due diligence ta’ Adrian Delia u Bernard Grech lestiet ir-rapport tagħha. Fost affarijiet oħra r-rapport jgħid li kull komunikazzjoni ma’ Yorgen Fenech messha nqatgħet hekk kif sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija. Il-kumment dwar kuntatti ma’ Yorgen Fenech irid jittieħed fid-dawl ta’ rapport ta’ messaġġi WhatsApp li Fenech bagħat lil Adrian Delia u li għalihom ġieli wieġeb Adrian Delia.

Mir-rapport joħroġ ukoll li l-Kap tal-PN għad għandu flus x’jagħti għall-ħlas tat-taxxa u l-interessi u l-pieni fuqhom. Dan b’kuntrast ma’ dak li Delia qal pubblikament kemm-il darba li kien issetilja kollox ma’ tat-taxxa.

Ir-rapport jinnota li Bernard Grech irregolarizza ruħu mat-taxxa wara għadd ta’ snin iżda qies bħala ħaġa ta’ dispjaċir (regrettable) li dan sara wara għadd ta’ snin. Ir-rapport isemmi li anke Grech stqarr pubblikament id-dispjaċir tiegħu għal dan.

Il-kumitat tad-due diligence saħaq fuq il-fatt li l-ħlas tat-taxxa fil-ħin mhux biss huwa materja legali iżda huwa obbligu etiku u morali li l-politiċi aktar minn ħaddieħor għandhom iwettqu b’eżempju għal ħaddieħor.

Ir-rapport inkiteb minn Dr Antonio Ghirlando, Chairperson, l-awditur Mario P. Galea u n-Nutar Dr Clyde La Rosa.

Grech missu ħallas fil-ħin

Ir-rapport tad-due diligence dwar Delia kien ħafna itwal minn dawk dwar Grech. Dwar Grech il-kumitat ikkummenta dwar il-fatt li dam ma jħallas it-taxxa u dwar dawk li l-kumitat iddeskrivihom bħala nuqqasijiet proċedurali żgħar fil-management tal-kontijiet tal-klijenti.

Ir-rapport innota li Grech li ma kellux irwoli pubbliċi qabel kellu rapporti negattivi fil-media meta qamet il-kwistjoni dwar it-taxxa. Huma żiedu li Grech ippreżentahom b’compliance certificate mill-awtoritajiet tat-taxxa li juri li issa għandu kollox sew mat-taxxa.

Minn Soho sa Birkirkara

Ir-rapport dwar Delia kien fih diversi paġni li jvarjaw mill-allegazzjonijiet dwar kuntatt ma’ persuni involuti fil-prostituzzjoni f’Soho sa diversi interessi kummerċjali, kwistjonijiet dwar it-taxxa u allegazzjonijiet dwar meta kien president tal-klabb ta’ Birkirkara.

Il-Kumitat qal li jekk hu veru dak li qalu l-gazzetti li rapport tal-FIAU sab li kont tal-bank f’Jersey f’isem Delia seta’ ntuża għall-ħasil tal-flus allura Delia ma jkunx dehen li jkun Kap tal-Oppożizzjoni. Mill-banda l-oħra qalu li jekk iċ-ċaħda kontinwa ta’ Delia hija korretta allura ismu jkun ġie mħammeġ inġustament.

Dwar il-qagħda finanzjarja ġenerali ta’ Delia l-kumitat jgħid li jidher li Delia għandu biċċa xogħol iebsa kontinwa (an ongoing task) biex ilaħħaq mal-impenji finanzjarji tiegħu.

Il-Kumitat jinnota l-kwistjoni li Delia kellu mal-kumpanija Boris Archidiacono u t-talba għal dak imsejjaħ bħala ‘success fee’. Waqt li l-kumitat iqis dan il-kunċett bħala etikament dubjuż iżid jgħid li l-Kamra tal-Avukati ma sabet xejn ħażin fil-mod kif mexa Delia.

Dwar l-allegazzjoni li l-goalkeeper ta’ Birkirkara kien ġie sekwestrat minn uffiċjali tal-klabb inkluż Delia l-kumitat qal li l-kwistjoni messha ġiet trattata aħjar biex tiġi evitata l-perċezzjoni tal-użu tal-forza.

Il-kumitat ikkummenta b’mod estensiv dwar ir-relazzjoni ma’ Yorgen Fenech. Il-kumitat qal li kull komunikazzjoni ma’ Yorgen Fenech missha nqatgħet hekk kif sar magħruf li huwa kien is-sid tal-kumpanija 17 Black. Żiedu jgħidu li jekk hu veru li Delia aċċetta stedina biex imur jiekol għand Fenech allura Delia jkun wera nuqqas serju ta’ mġiba għaqlija li tnaqqas il-kredibbiltà tiegħu u tal-PN fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Il-Kumitat kien kritiku ħafna tad-dikjarazzjoni ta’ Colin Bowman, il-President tal-Kummissjoni Kandidati, li qal li kemm Grech u Delia kienu tajbin biex jikkontestaw l-elezzjoni għal kap allavolja r-rapport kien għadu mhux lest.

Aktar kmieni…

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum ressaq mozzjoni quddiem il-Kunsill Amministrattiv tal-partit fejn talab sabiex ikun ippubblikat ir-rapport tad-due diligence dwaru u dwar Bernard Grech. Grech huwa l-kandidat l-ieħor li qed jikkontesta l-irwol ta’ Kap tal-PN. Aktar tard, il-Kunsill Amministrattiv ħabbar li l-mozzjoni kienet approvata u ppubblikat ir-rapport sħiħ tad-due diligence.