“Ir-rapport ta’ Bloomberg spekulazzjoni pura” – unjin ta’ ħaddiema fil-banek

L-Unjin Maltija tal-Ħaddiema fil-Banek (MUBE) qalet li qed tqis ir-rapport dwar l-HSBC bħala spekulazzjoni pura mhux iġġustifikata, u se tibqa’ ssegwi dan il-każ.
Ilbieraħ rapport fi Bloomberg ta’ x’jifhem li HSBC Holdings Plc jaf jagħlaq jew ibigħ l-operat tiegħu f’numru ta’ pajjiżi inkluż f'Malta.
Meta Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-bank f’Malta, il-kelliem ma riedx jikkummenta fuq dawk li sejġilhom “xnigħat u spekulazzjoni”.
Hi tal-istess fehma l-MUBE, li fi stqarrija mibgħuta fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fakkret li din ma kinitx l-ewwel darba li l-midja xerrdet xi ħaġa simili.
Ikkonfermat li se taħdem qatigħ biex ixxejjen għalkollox din l-ispekulazzjoni negattiva fuq l-HSBC, u sostniet li l-ħaddiema fl-HSBC qed jistinkaw biex in-negozju tagħhom f’Malta jibqa’ jwarrad, u joktru l-pjanijiet tagħhom għal dil-gżira.
Temmet tgħid li filwaqt se tfittex aktar assistenza mill-bank dwar l-istorja, se tibqa’ tħabrek bl-aġenda tagħha biex tipproteġi lill-familji tal-ħaddiema tagħha.
Il-MUBE hija unjin li esklussivament tieħu ħsieb in-negozjati tal-ħaddiema tal-banek mal-HSBC.