Ir-rapport li kkwota Mizzi dwar VGH fil-Qorti imma mhux pubbliku

Read in English.

Fil-Qorti llum ġie ppreżentat rapport ta’ evalwazzjoni li l-eks Ministru Konrad Mizzi allegatament uża biex jiddeċiedi dwar il-ftehim ta’ privatizzazzjoni mal-isptarijiet ma’ Vitals Global Healthcare. Dan id-dokument mhux se jsir pubbliku.

Id-dokument ġie ppreżentat minn James Camenzuli, illum Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta, waqt ix-xhieda tiegħu fil-każ. Il-każ infetaħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, Malta Industrial Parks u Vitals Global Healthcare.

Delia qed jappella biex l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u ta’ Għawdex ma jibqgħux privati għax il-kundizzjonijiet tal-kuntratt inkisru.

L-Imħallef Francesco Depasquale qal li r-rapport għandu jkun disponibbli biss għal dawk involuti fil-każ. Delia argumenta li deċiżjoni bħal din għandu joħodha l-Prim Ministru u mhux il-Qorti. Iżda l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg, li kienet qed tirrappreżenta lill-Avukat Ġenerali, qalet li dan ma kienx dokument privileġġjat. L-Imħallef qal li hu għandu prerogattiva li joħroġ ordni li d-dokument ikun disponibbli biss għal dawk involuti.

Ir-rapport kien issemma mill-eks Ministru Konrad Mizzi meta dan xehed f’Novembru li għadda, ftit minuti qabel ma daħħal ir-riżenja tiegħu. Kien qal li hu straħ fuq il-konklużjonijiet tal-kumitat tal-evalwazzjoni meta ħa deċiżjoni fuq il-ftehim ta’ privatizzazzjoni mal-VGH.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ f’Marzu.