Ir-rapport finanzjarju tal-Air Malta tal-2019 mhux ippubblikat

Ir-rapport finanzarju tal-Air Malta tas-sena li għaddiet għadu ma ġiex ippubblikat. Dan fost rapporti li l-linja tal-arju nazzjonali qed tagħmel t-telf wara l-profitt li rreġistrat għall-ewwel darba wara kważi 20 sena fl-2018.

Minkejja li s-sena finanzjarja tintemm f’Diċembru u l-Financial Statement tas-sena 2018 ġie ppubblikat f’April 2019, dak tas-sena 2019 għadu ma ġiex ippubblikat.

Dan wassal lill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri biex ipoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-rapport finanzjarju tal-2018 meta mistoqsi għall-aħħar sett ta’ financial statements tal-kumpanija mid-deputat Nazzjonalista Claudio Grech.

L-Air Malta għalqet is-sena 2018 bi profitt ta’ €1.2 miljun kontra €10.8 miljun f’telf mis-sena 2017.

Madanakollu, f’Awwissu tas-sena 2019, il-CAPA (The Centre for Aviation) kienet żvelat fuq is-sit elettroniku tagħha li l-linja tal-arju nazzjonali kienet reġgħet lura għat-telf.