Ir-rapport fil-midja mhux veritier – Sindku Mosta

L-artiklu ippubblikat minn One News dwar laqgħa li skont One saret b’urġenza biex jagħtu Ġieħ il-Mosta lil Daphne Caruana Galizia, mhix verità. Dan qalu s-Sindku tal-Mosta, Keith Cassar fi stqarrija li ħareġ il-Kunsill Lokali.

Fi stqarrija, l-Kunsill Lokali tal-Mosta qal li l-fatti huma differenti ħafna aktar minn dawk li ppreżentaw One News. Huma qalu li l-Kunsill kull sena jgħati żewġ unuri differenti, Ġieħ il-Mosta u Rikonoxximent il-Mosta u li skont regoli li kienu implimentati fl-2015, in-nominazzjonijiet ikunu approvati permezz ta’ vot sigriet mill-kunsillieri.

Din is-sena, skont l-sitqarrija, in-nominazzjonijiet infetħu f’Awwissu u dawn kienu diskussi waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali. Jidher iżda li l-Ġimgħa wara nofsinhar, il-Gvern talab xi informazzjoni dwar dawn l-unuri u ġew infurmati li ma jistax jittieħed vot sigriet aktar. Għalhekk fiċ-ċirkustanzi, kellha tissejjaħ laqgħa b’urġenza biex dak li kien approvat fil-laqgħa preċedenti, jiġi kkonfermat permezz ta’ vot skont kif kien mitlub mid-Direttur tal-Gvern Lokali.

Dan kollu jfisser li l-konferma tal-vot kienet dwar l-unuri kollha u mhux biss fuq wieħed partikolari.