Ir-rapport dwar l-abbużi f’Pennsylvania juri l-progress li għamlet il-Knisja

Il-Papa jisma b'attenzjoni d-domandi tal-ġurnalisti

Il-Papa Franġisku qal lill-ġurnalisti li r-rapport tal-Grand Jury dwar l-abbużi sesswali mill-kleru f’Pennsylvania fil-fatt juri kemm għamlet progress il-Knisja minn meta seħħew dawk l-abbużi ‘l hawn.

Waqt li kien qed jirritorna lejn il-Vatikan miż-żjara fil-pajjiżi Baltiċi, fuq l-ajruplan il-Papa kif hi l-konswetudni, tkellem mal-ġurnalisti.  Għall-bidu qal li ma xtaqx jitkellem fuq affarijiet li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ din iż-żjara iżda meta saritlu domanda dwar l-abbużi mill-kleru, wieġeb xorta waħda.

Hu qal li r-rapport tal-Grand Jury dwar Pennsylvania, identifika aktar minn 300 saċerdot li abbużaw minn aktar minn 1000 persuna fuq medda ta’ 70 sena. Il-Papa insista li billi r-riżultati juru ferm anqas abbużi minn dak iż-żmien ‘l hawn, dan jimplika li l-isforzi li qed tagħmel il-Knisja kontra l-abbuż, qed jaħdmu.

Ħafna mill-abbużi identifikati fir-rapport seħħew fis-snin 60, 70 u 80, għalkemm jista’ jkun li r-rapporti naqsu fl-aħħar snin għax għad hemm min għadu ma ressaqx ir-rapport tiegħu.

“Naħseb li f’Pennsylvania naraw li għall-ewwel 70 sena ħafna saċerdoti wettqu abbużi sesswali.  Issa dan l-aħħar dawn il-każi naqsu għax il-Knisja indunat li dawn trid tiġġelidhom b’mod differenti. Fl-imgħoddi l-affarijiet kienu jinħbew,” qal il-Papa.

“Jien nara akkużi kontra l-Knisja. Ilkoll nafu n-numri. Anke kieku kien qassis wieħed biss li abbuża minn tifel jew tifla, din hi xi ħaġa mostruża. Għax il-qassis kien magħżul minn Alla biex iwassal lit-tfal għall-ġenna.”

Il-Papa tkellem ukoll dwar l-abbużi sesswali mis-saċerdoti meta ddiskuta l-laqgħa ekumenika li kellu maż-żgħażagħ waqt il-vjaġġ tiegħu u qal li induna li ħafna żgħażagħ huma skandalizzati mill-ipokresija tal-adulti. Iż-żgħażagħ huma skandalizzati bil-gwerer, bl-inkoerenza, bil-korruzzjoni.

“Il-kwistjoni tal-abbużi sesswali hi korruzzjoni,“ qal il-Papa li insista li hu qatt ma naqqas mill-impenn tiegħu ta’ “tolleranza żero” fejn jidħlu l-abbużi.

“Jien qatt u qatt ma ffirmajt talba għall-klemenza wara li tkun ħarġet xi sentenza. Fuq dawn l-affarijiet m’hemmx negozjati,” sostna l-Papa Franġisku.

Kif kien jiġri fil-familja, qal il-Papa, fejn it-tfal kultant kienu jkunu abbużati mill-missier jew xi ziju, il-kultura fl-imgħoddi kienet li dawn l-affarijiet jinħbew “għax kienu affarijiet ta’ mistħija kbira.”

Il-Papa kkompara dan mal-mentalità kolonjali lejn il-popli indiġeni li kienu vittmi ta’ ħafna inġustizzji, brutalitajiet u saħansitra l-piena tal-mewt. Hu ammetta li anke l-Vatikan sa l-aħħar tas-snin 1800 kien jikkundanna għall-mewt lill-kriminali. Imbagħad il-kuxjenza morali kibret. Imma dejjem kien hemm il-ħabi u hemm sentenzi tal-mewt li għadhom moħbija. Illum għandna anzjani li huma vittmi ta’ “sentenza ta’ mewt soċjali.”