Ir-rapper Kanye West jgħid li se jikkontesta għal President tal-Istati Uniti

Read in English.

Ir-rapper Amerikan Kanye West, li huwa wieħed minn dawk li jappoġġja lill-President kurrenti tal-Istati Uniti Donald Trump, ħabbar ilbieraħ li se jkun qed jikkontesta għal President fl-2020. Jidher li qed jagħmel dan biex jisfida kemm lil Trump, kif ukoll lir-rivali Demokratiku tiegħu, l-eks Viċi President Joe Biden.

“Irridu nirrealizzaw il-wegħda tal-Amerka billi nafdaw f’Alla, jkollna viżjoni li tgħaqqadna u nibnu l-futur. Jien se nikkontesta għal president tal-Istati Uniti,” qal West fuq Twitter. Hu żied ukoll l-emoji tal-bandiera Amerikana u l-hashtag #2020VISION.

Minkejja din it-tweet, Reuters irrapport kif mhux ċar jekk West kienx verament se jikkontesta l-elezzjoni li ġejja fit-3 ta’ Novembru jew jekk issottomettiex id-dokumenti neċessarji biex ismu jidher fuq il-karti tal-vot.

Id-data tal-għeluq tal-kandidaturi indipendenti għall-elezzjoni għadha ma waslitx f’diversi stati u b’hekk għadu żgurament fiċ-ċans li jagħmel dan.

West u martu Kim Kardashian West kienu żaru lil Trump fil-White House.

Waqt laqgħa partikolari f’Ottubru tal-2018, West għamel diskors twil u mimli profanitajiet fejn iddiskuta universi alternattivi u għamel analiżi personali tal-bipolar disorder u sostna li s-sors tagħha kien in-nuqqas ta’ rqad.

Elon Musk, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li tipproduċi l-karozza Tesla qal fuq Twitter li hu se jkun qed jissapportja lil West.