“Ir-Randan ir-rebbiegħa tar-ruħ għax nitwieldu mill-ġdid” – L-Arċisqof

Knisja.mt / Ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li r-Randan huwa bħall-istaġun tar-rebbiegħa tar-ruħ, għaliex fih għandna ċ-ċans nitwieldu mill-ġdid. Huwa fiehem li r-Randan għandu jkun vjaġġ tal-qalb, li fih wieħed jagħmel karità mill-qalb, jitlob minn qalbu u li s-sawm jittrattah bħala konverżjoni tal-qalb.

Dan id-diskors l-Arċisqof għamlu fl-omelija tiegħu fil-quddiesa ta’ Ras ir-Randan ilbieraħ fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

Fisser li l-Evanġelju jelenka t-tliet punti importanti tar-Randan: il-karità, it-talb u s-sawm, iżda insista li dawn ma jridux ikunu għad-dieher biss. Jekk wieħed isum, m’għandux isum biex jidher sabiħ mal-oħrajn, iżda s-sawm għandu jkun ġej mill-qalb. L-Arċisqof żied jgħid li, “fir-Randan irridu nitqabdu mal-vizzjijiet kollha li jkunu nġabru fil-qalb tagħna u madwarna u rridu nitolbu ’l Mulej filwaqt li jħares fuqna bil-ħarsa ta’ ħniena, jgħinna wkoll nitqabdu ma’ dak kollu li jbegħedna minnu.”

Mons. Scicluna semma wkoll iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta li se taħbat f’Għid il-Ħamsin u għalhekk tikkonkludi l-istaġun tal-Għid. Iżda huwa spjega li l-Għid beda propju lbieraħ f’Ras ir-Randan, żmien li jitqies bħar-rebbiegħa tar-ruħ, peress li dak li jkun għandu ċans jiled lilu nnifsu mill-ġdid permezz tat-talb, anke għaliex fil-lejl tal-Għid, l-Insara jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, il-Knisja tbierek in-nar il-ġdid, l-ilma ġdid, u tiċċelebra l-Ewkaristija l-ġdida.

Dwar iż-żjara tal-Papa, l-Arċisqof irringrazzja lil dawk preżenti tax-xogħol kollu li se jagħmlu biex din tkun waħda ta’ suċċess. Huwa qal li minħabba l-ħafna xogħol u preparamenti, xi drabi se jitilfu l-paċenzja, iżda appellalhom biex kemm jista’ jkun irażżnu l-frustrazzjoni, u din iqisuha bħala parti mill-penitenza tar-Randan.

L-Arċisqof temm jgħid li, “Dak sawm li jiġi u jgħaddi; is-sawm il-kbir huwa dak li aħna nrażżnu l-iskatti, mill-Papa ’l isfel.” Qal ukoll li l-bnedmin għandhom wisq arja, u r-Randan għandu jitqies bħala żmien biex “nieħdu lilna nfusna b’serjetà kbira imma mhux wisq.”