​Ir-Ramla l-Ħamra bl-unuri minn revista Amerikana

Ir-Ramla l-Ħamra għadha kemm ġiet magħżulha bħala waħda mill-isbaħ bajjiet bir-ramel aħmar mir-revista Amerikana Travel and Leisure Magazine.
Bajjiet oħra li jissemmgħu f’din l-aħħar klassifika li ġiet ippubblikata huma Kaihalulu fil-Hawaii, Cavendish fil-Kanada, Porto Covo fil-Portugal, Kokkini fil-Greċja, Porto Ferro fl-Italja u l-ġżira ta’ Rabida fl-Ekwador.
Ir-revisata kitbet hekk dwar il-bajja Għawdxija:
“Il-bajja tar-Ramla tinsab fuq il-kosta tat-tramuntana ta' Għawdex (waħda mill-gżejjer ta' Malta) u l-bajja tagħha hija kkulurita b’ton ta’ kulur impressjonanti bl-aħmar fl-oranġjo kontra l-baħar blu. Minħabba li tinsab fil-qiegħ tal-wied, il-bajja tar-Ramla l-Ħamra hija wkoll santwarju għall-ħajja selvaġġa u l-veġetazzjoni”.
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex, innota dan ir-riżultat sabiħ, u qal li qed iġedded l-impenn tiegħu biex ir-Ramla l-Ħamra żżomm l-istandards meħtiega.  
Semma’ kif fi ftit ġimgħat se jibdew diskussjonijiet biex isir Masterplan ieħor, din id-darba għar-Ramla l-Ħamra.
Il-Ministeru qal ukoll li se jibda programm ta’ xogħolijiet biex jitjiebu l-faċilitajiet u jsiru aktar aċċessibbli. Xogħolijet oħra ppjanati huma tindif ta’ widien u sensiela ta’ titjib ta’ passaġġi tal-Gvern għall-bdiewa tal-madwar.