“Ir-rakkont laqatni għax m’għandux karattri tas-soltu” – Charles Stroud

Nostalġija
Charles Stroud waqt li qed jidderieġi Nostalġija

“Meta qrajt l-script ta’ Nostalġija għall-ewwel darba kien biss biex nagħti l-opinjoni tieghi. Kont iltqajt ma’ Ronald Saliba, il-kittieb, f’kafeterrija fil-pjazza tal-Mosta u tkellimna fit-tul dwar id-drama televiżiva lokali u kif ukoll dwar ix-xogħol tiegħu: kitba naturali u sinċiera, b’idjomi kważi minsija u lingwaġġ ta’ karattri raħħala sempliċi,” hekk beda jikkummenta Charles Stroud dwar is-sensiela Nostalġija li se tibda tixxandar fuq TVM mit-Tnejn 29 ta’ Marzu fid-8.50pm.

“Nammetti li mill-ewwel ir-rakkont laqatni għax ma kellux karattri tas-soltu li bħalhom naraw bil-gżuz illum. Meta ġejt mitlub nidderiegi is-sensiela, kont sorpriż. L-aħħar li dderiġejt drama televiżiva kien sitt snin ilu u meta erġajt bdejt nifli l-episodji tas-sensiela Nostalġija rajt li dawn kienu nies ħajja, b’sentimenti u reazzjonijiet veri u sinċieri. Il-hajja raħlija Maltija għandha ħafna x’toffri, teżor ta’ karattri u stejjer jbaqbqu b’ruħ f’kull bniedem, it-tajjeb u l-ħażin,” kompla jikkummenta Charles Stroud.

Din hi produzzjoni ta’ 35-il puntata li se tkun tinkludi s-sehem ta’ bosta atturi magħrufa bħal Ronald Saliba, Joe Farrugia d-Dulli, Narcy Calamatta, Ray Bone, Guido Fenech, Monica Attard, Simon Curmi, Paul Caruana, Vivienne Caruana,  Carmel Gauci, Shelby Aquilina, Carmen Vella Fondacaro, Hermann Bonaci, Michael Sciortino, Joe Borg, Josephine Mahoney, Frida Cauchi, John Dimech, Joe Quattromani, Michela Galea, Sarah Camilleri, Noel Chircop, Joe Gatt, Michael Tabone, Ninette Micallef, u Mark Schembri fost ħafna aktar.

Stroud żied jgħid li Il-karattru ewlieni ta’ Dun Feliċ jeħodna eqreb lejn il-Ħallieq li b’korla jew imħabba jirreaġixxi b’mod naturali ghall-avvenimenti li jostakolaw il-mixja ta’ kuljum.

“L-atturi magħżula għal din is-sensiela huma kollha b’snin ta’ esperjenza mhux biss fl-arti tar-reċtar iżda wkoll fil-ħajja nnifisha. Il-biċċa l-kbira veterani, imma veterani wkoll fil-hajja li għexu u tħabtu magħha.

Ronald Saliba li huwa l-awtur tas-sensiela qed jieħu ħsieb l-interpretazzjoni u d-djalogar tal-atturi filwaqt li Charles Stroud ra kif il-rwol tal-irħula wkoll joħroġ fir-rakkont u l-atmosfera fid-djar u toroq tibqa’ dak li hu: mhux artifiċjali.

“Id-dwal li jintużaw huma mill-inqas biex in-naturalezza tax-xena tibqa’ dik li hi. Ir-ritmu tax-“shots” u d-daqs tal-“closeups” huma meqjusa flimkien mas-sitwazzjoni li nkunu fiha. Movimenti tal-camera mill-inqas biex ma jinġibidx attenzjoni lejha u angoli differenti mhux biex inkunu avventurużi imma biex npoġġu lill-udjenza fil-pożizzjoni li hi tifhem aħjar x’qed iħossu u jaħsbu l-karattri. Qabel il-ġbid ta’ kull xena nimmaġina s-sekwenza kollha finali, kif se tiġi editjata, nara x’ġara qabel u x’se jiġri wara,” kompla jispjega Charles Stroud li tkellem ukoll dwar kif ġew limitati locations attwali bil-problemi kollha tagħhom bi ħsejjes, ċokon u loġistika diffikultuża.

“Kull gurnata hi mifnija b’sensiela ta’ problemi li jirrekjedu li jiġu solvuti fl-iqsar ħin. Provi tal-linji, azzjoni, props u pożizzjoni tal-għamara jirriżultaw f’mumenti bħal ġojjelli f’kuruna ta’ produzzjoni televiziva. Mumenti brillanti mill-atturi u xogħol il-crew, jinġibdu biex jinqabdu permanenti fil-camera. Xogħol li ser nkun kburi bih,” temm jgħid Charles Stroud.