Ir-RAI tilfu ċ-Champions League

Ritratt: Börkur Sigurbjörnsson

Ir-RAI, l-istazzjon nazzjonali Taljan, tilef il-jedd li juri l-logħbiet taċ-Champions League. Il-Qorti ta’ Milan ċaħdet għal kollox l-appell tal-istazzjon kontra l-ftehim għal-logħob li sar bejn Sky u l-Mediaset. Din iċ-ċaħda temmet it-tamiet li kellhom ir-RAI li jestendu l-liċenzja li kellhom ma’ Sky Italia għall-istaġun 2018-2019 għal jeddijiet biex juru ċ-Champions League.

Sky Italia ħallset s-somma ta’ €900 miljun għad-drittijiet tal-partiti sal-2021.

Ir-RAI argumentaw li huma kellhom ftehim ma’ Sky Italia għall-istaġuni 2019-2020 u 2020-2021. Imma meta Sky Italia għamlu l-ftehim mal-Mediaset għal dawn l-istaġuni huma kisru l-ftehim li kellhom bejniethom.

Iżda Sky Italia qalu li fil-ftehim mar-RAI kien hemm il-klawsola li jibqgħu mar-RAI jekk sadattant ma jkunx hemm tibdil sinifikanti fil-qagħda tagħhom. Kien hemm tibdil għal Sky Italia għaliex f’dan il-perjodu tilfu tliet logħbiet fil-ġimgħa tas-Serie A li ħadhom l-istazzjon OTT.

Wara li tilfu l-appell ir-RAI issa se jkollhom iħallsu €15,000 u €10,000 fi ħlasijiet legali lil Mediaset u Sky Italia rispettivament.

Il-Mediaset se jxandru logħba waħda taċ-Champions League kull ġimgħa free-to-air flimkien maż-żewġ semifinali, il-finali u l-European Super Cup.