Ir-raħħala se jingħataw €1 miljun f’għajnuna

Ir-raħħala fil-Gżejjer Maltin se jingħataw €1 miljun f’għajnuna minħabba żmien il-pandemija.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-fabbrika tal-Malta Dairy Products, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo taw dettalji dwar l-għajnuna li l-gvern ta lir-raħħala Maltin u Għawdxin fiż-żmien tal-pandemija.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li s-settur tal-agrikoltura huwa importanti ħafna għall-Gżejjer Maltin u matul ix-xhur tal-pandemija ntlaqat ħażin. Il-Ministru Caruana spjega kif id-daqqa fit-turiżmu fl-aħħar xhur ikkawżat tnaqqis sostanzjali fil-konsum tal-prodotti tal-ħalib. Żied li minkejja dan, ir-raħħala Maltin u Għawdxin xorta waħda riedu jaqilgħu l-għajxien tagħhom u kif ukoll jibqgħu jieħdu ħsieb lill-annimali. 

Il-Ministru Caruana qal li l-gvern, irrikonoxxa din l-isfida u ta għajnuna finanzjarja lill-fabbrika li tipproduċi l-prodotti tal-ħalib. Il-Ministru Caruana qal li dan sar sabiex tkun tista’ tesporta l-prodotti tagħha barra minn Malta.

Il-Ministru Caruana qal li bħala Ministeru se jibqa’ jżomm kuntatt ma’ din il-fabbrika sabiex mhux biss jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-familji, iżda wkoll is-security of supply tal-ħalib fil-Gżejjer Maltin. Huwa żied jgħid, “dan il-perjodu tal-pandemija huwa temporanju, għaldaqstant irridu nassiguraw li l-merħliet tar-raħħala jibqgħu hemmhekk ħalli malli d-domanda għal dawn il-prodotti terġa’ tiżdied, dak li kienu jipproduċu jerġa’ jiġi kkunsmat.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo sostna li l-KPH hija industrija li mxiet ’il quddiem, f’settur li huwa robust u reżiljenti waqt li tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19. Kompla li bħala Ministeru kienu minn dejjem wara dan is-settur u taw l-għajnuna tal-COVID -19 bi €3 miljun lir-raħħala.

Il-Ministru Anton Refalo spjega li, “il-mod kif mixjin, hekk kif għandna pjan b’viżjoni, il-gvern jemmen f’dan is-settur imprezzabbli, nemmnu li fl-Ewropa rridu niġġieldu ukoll sabiex dik l-għajnuna li qabel kienet tingħata b’pagamenti diretti, din tibqa’ tingħata. Dan huwa sinjal  qawwi li aħna qegħdin hemm biex nassistu dan is-settur.” Żied jgħid ukoll kif “Din mhix se tkun l-aħħar darba li nagħtu l-għajnuna, imma se nkomplu niddiskutu u naraw li l-ħalib Malti u Għawdxi ma jintremiex.”