Read in English.
Ir-raġel ta’ Maria Efimova ġie arrestat f’Ċipru, bil-whistleblower Russa tinsisti li dan l-arrest kien att ta’ vendikazzjoni “mill-korrotti ta’ Malta u Ċipru.”
Fuq Facebook, Efimova qalet li la mhux qed jirnexxielhom jaslu għaliha, iddeċidew jagħmlu ħsara lir-raġel tagħha. Qalet li ġie arrestat fuq akkużi li Ċipru prova jitfa’ fuqha tlett snin ilu, u li l-pajjiż kien imwaqqaf milli jagħmel dan mill-Kunsill tal-Ewropa.
Fil-post tagħha, semmiet lil ċertu Natalia Antoniou, li ddeskriviet bħala firmatarja ta’ eluf ta’ kumpaniji reġistrati f’Ċipru u fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi. Qalet li Antoniou għamlet numru ta’ akkużi fil-konfront tar-raġel tagħha, li qatt ma ltaqa’ magħha u li ma kellu l-ebda konnessjoni mal-kumpaniji li hi firmatarja tagħhom.
L-istorja s’issa
Nhar il-Erbgħa, Efimova u l-eks spettur Jonathan Ferris ġew akkużati bi sperġur b’konnessjoni mal-inkjesta fuq ir-rapport fuq il-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant. Egrant infetħet flimkien mal-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, iżda l-isem tas-sid tagħha kien baqa’ mistur fl-emails li ġew ippublikati b’riżultat tal-Panama Papers.
Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li skont is-sorsi tagħha, Egrant kienet irreġistrata f’isem Michelle Muscat, u Efimova kienet meqjusa bħala s-sors ta’ din l-informazzjoni.
L-awtoritajiet Maltin ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew għal Efimova f’Novembru tal-2017 fuq allegazzjonijiet li għamlet stqarrijiet foloz lill-pulizija. F’Jannar tal-2018, inħareġ mandat ieħor minn Ċipru fuq ilment tal-kumpanija Ċiprijotta – b’sidien Russi – IFD Fragrance Distribution – li akkużawha b’serq: Efimova kienet taħdem magħhom bejn l-2013 u l-2014.
F’Marzu tal-2018, marret fil-kustodja tal-pulizija Griega f’Ateni, u stqarret li qed tibża’ għal ħajjitha. Però aktar tard fl-2018, Greċja irrilaxxat lil Efimova wara li l-qrati ddeċidew li ma setgħetx tiġi estradita f’Malta peress li kienet sors ta’ Caruana Galizia. Peress li l-mandant tal-assassinju ta’ Caruana Galizia kien għadu ma ġiex identifikat, il-qorti ddeċidiet li ħajjet Efimova tkun fil-periklu f’Malta.
F’Jannar ta’ din is-sena, Efimova ġabret €15,000 biex tapplika għal stat ta’ whistleblower u biex tqabbad kumpanija indipendenti biex tivverifika dokumenti li, skont hi, jikxfu min hu l-vera sid ta’ Egrant. Dan il-proċess, però, għadu m ġiex konkluż.