​Ir-raġel ta’ Daphne jirbaħ żewġ libelli

L-eredi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia flimkien mal-avukat fid-ditta legali tar-raġel ta’ Daphne rebħu żewġ kawżi ta’ libelli.
F’kawżi separati, Peter Caruana Galizia bħala l-eredi tal-ġurnalista flimkien mal-avukat Andrew Borg Cardona mid-ditta legali ta’ Caruana Galizia rebħu libell kontra l-editur tal-KullĦadd Alexander Balzan u ieħor kontra s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.
Il-kawża kontra l-KullĦadd kienet infetħet kontra Toni Abela li qabel ma’ inħatar Maġistrat kien Editur tal-gazzetta KullĦadd. L-artiklu li dwaru nfetħet il-kawża kien ġie ppubblikat mingħajr isem f’Awwissu 2014 fejn jallega li Caruana Galizia u Borg Cardona ħadu xi flus minn kumpanija li ħadet €2.5 miljun f’kuntratti tal-Gvern minn gvernijiet Nazzjonalisti.
Balzan ġie ordnat iħallas €3,000.
F’kawża relatata, Daphne Caruana Galizia kienet għamlet libell anki kontra Aaron Farrugia li f’messaġġ fuq Facebook u Twitter huwa reġa’ qal li ż-żewġ avukati kienu bbenefikaw minn kuntratti tal-Gvern.
Il-Qorti qalet li d-difiża kienet ġabet l-argument li f’dan il-każ Farrugia rriproduċa dak li kitbet il-gazzetta KullĦadd. Sostniet iżda li din id-difiża ma treġix.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale kkundanna l-manipulazzjoni tal-pubbliku permezz tal-mezzi soċjali billi qal li “kull politiku, aktar u aktar Membri Parlamentari, għandhom ikunu ta’ eżempju għall-pubbliku fl-użu tal-mezzi soċjali biex tixtered informazzjoni korretta, u mhux biex tiżdied il-mibiegħda u l-polarizazzjoni” fil-politika.
Farrugia ġie ordnat iħallas €3,000.