Ir-raġel miżmum b’rabta man-nirien tal-katidral ta’ Nantes meħlus

Reuters/Stephane Mahe

Read in English.

Nhar il-Ħadd, il-pulizija Franċiża ħelset mill-arrest lil refuġjat mir-Rwanda ta’ 39 sena li kien issuspettat b’rabta ma’ nirien li ħakmu l-katidral mibni fil-15-il seklu fil-belt Franċiża ta’ Nantes. 

“Dan ir-raġel ma kienx implikat fil-każ. Kien hemm diversi punti inkonsistenti li ġew iċċarati,” qal Pierre Sennes, il-prosekutur ta’ Nantes, matul intervista ma’ Reuters.

In-nirien ħakmu l-bini tal-istruttura Gotika minn ġewwa nhar is-Sibt, u nqerdu l-orgni, diversi twieqi bi stained-glass u pittura.

L-awtoritajiet fetħu investigazzjoni fuq suspett ta’ ħruq intenzjonali. Nhar is-Sibt Sennes qal li kienu tqabbdu tliet nirien differenti fuq is-sit, u li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ dħul furzat.

Ir-raġel li kien arrestat nhar is-Sibt kien jaħdem bħala voluntier għall-katidral, u kien responsabbli biex isakkar il-bini nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Kien qed jiġi interrogat biex jiċċara inkonsistenzi fl-iskeda tiegħu. Hu ma kienx identifikat.

In-nirien faqqgħu ftit aktar minn sena wara n-nirien li kienu ħakmu l-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi li qerdu s-saqaf u l-kampnar ewlieni tal-knisja.