Ir-raġel li tqabad ma’ iben Daphne ma ħax ritratti – Il-Pulizija

Il-Pulizija qed tgħid li r-raġel li allegatament tqabad mat-tifel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ħdejn il-karozza sploduta fil-Bidnija, ma kellux ritratti jew filmati tal-każ fuq il-mowbajl tiegħu. 
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija qal li r-raġel li kien involut f’dik li sejjaħ kommossjoni, ġie mitkellem fuq il-post “mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta dakinhar tal-inċident, kif ukoll mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali”. Żied jgħid li r-raġel saritlu wkoll intervista taħt il-kappa tal-Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Anthony Vella.
Il-kelliem qal ukoll li l-pulizija ċċekjaw il-mowbajl tar-raġel fuq il-post, u ma sabu l-ebda filmati jew ritratti. Irrimarka li l-mowbajl ġie elevat ukoll mill-Pulizija għal iktar analiżi “fejn s’issa ma rriżultax li ttieħdu xi ritratti jew filmati”.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Pulizija qalet li ttieħdet ix-xhieda tal-uffiċjali li intervjenew f’dan l-inċident taħt il-kappa tal-inkjesta. Il-kelliem qal li ġie stabbilit li dawn il-pulizija intervjenew “wara li semgħu kommossjoni”.
Il-kelliem għall-Pulizija ma kienx f’pożizzjoni li jgħid jekk dan ir-raġel kienx jew għadux person of interest fl-investigazzjonijiet marbutin mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan minħabba li “l-ebda informazzjoni dwar persons of interest ma tista’ tingħata f’dan l-istadju.
Fis-sit tiegħu l-blogger Manuel Delia żvela kif it-tifel tal-ġurnalista assassinata Matthew Caruana Galizia qallu li raġel li kien qed isuq fil-post fil-ħin tal-isplużjoni, ħareġ mill-vettura tiegħu u beda jiġbed ir-ritratti ta’ dak li kien qed jara bil-mowbajl. 
Matthew Caruana Galizia allegatament ġie aggredit minn dan ir-raġel wara li Caruana Galizia pprova jneħħilu l-mowbajl minn idejh.  
Skont dak li kien kiteb Manuel Delia, hekk kif ir-raġel kien se jitlaq minn fuq il-post, il-Pulizija qalulu li seta’ jmur u li “m'hemmx problema”. Caruana Galizia qal lil Delia, li lir-raġel, il-Pulizija ma staqsewhx mistoqsijiet u lanqas żammewh milli jitlaq.  Wara li seħħ dan, jidher li Caruana Galizia mbagħad ipprova jkisser il-mowbajl biex ikun hemm raġuni għalfejn il-Pulizija jkollhom iżommu lir-raġel.
Ritratt meħud mill-blogg ta' Manuel Delia