Ir-raġel li qed jgħid li ġie msawwat mill-Pulizija ma kienx taħt l-effett tal-alkoħol

Fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra raġel li jinsab mixli li ħebb għall-Pulizija wara li waqfuh meta kien qed isuq perikoluż, Surġent tal-Pulizija xehed li l-akkużat ma kienx taħt l-effett tal-alkoħol u lanqas kellu riħa ta’ xorb.
L-akkużat jinsab mixli li ma obdiex l-ordniet mogħtija lilu mill-Pulizija iżda qed isostni li hu ġie msawwat minn żewġ membri tal-RIU.
Dawn iż-żewġ membri tal-Pulizija jinsabu mixlija f’akkużi kriminali.
Is-Surġent xehed li meta wasal fuq il-post, persuni li raw dak li ġara qalulu li l-Pulizija kienu sawtu lill-akkużat għalxejn.
Qal li wassal lill-akkużat sal-karozza tal-Pulizija tad-Distrett biex jittieħed saċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Fil-Qorti ntqal li meta l-membri tal-familja waslu fl-Għassa, ma kienux aggressivi iżda riedu li ssir ġustizzja. Il-każ se jkompli.