Ir-raġel li qatel lil Shannon Mak jintbagħat 30 sena l-ħabs

Facebook

Read in English.

Olandiż ntbagħat 30 sena ħabs wara li wieġeb ħati tal-qtil tal-eks sieħba tiegħu.

Jelle Rijpma, li għandu 24 sena, u li kien eks kollega u s-sieħeb ta’ Shannon Mak, wieġeb ħati tal-qtil tagħha quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Ottubru.

Mak kienet ġiet aggredita vjolentament u sfat imħanxra, skont espert mediku fil-Qorti. Hi kienet instabet f’għadira demm bejn żewġ karozzi u ħajt tas-sejjieħ f’Santa Venera fl-2018. Diversi marki tal-idejn kienu ssuġġerew li hi ppruvat iżżomm mal-ħajt fejn instabet qabel ma’ mietet.

Waqt li deher quddiem il-Qorti Kriminali dalgħodu, Rijpma li kien liebes qalziet griż, ġlekk iswed u ngravata vjola, ntbagħat 30 sena l-ħabs.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-Qorti ħadet nota tas-suġġeriment tal-Avukat Ġenerali u d-difiża li Rjipma jintbagħat il-ħabs għal 30 sena. Il-Qorti Kriminali laqgħet din it-talba u b’hekk Rijmpa se jkun qed jiskonta sentenza ta’ 30 sena ħabs. Hu ntalab ukoll iħallas aktar minn €33,000 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-qraba ta’ Mak kienu wkoll preżenti fl-awla, lebsin maskri suwed bil-kliem Shannon fuqhom.

L-Ispetturi tal-Pulizija Kurt Zahra u Robert Vella kienu qed imexxu l-prosekuzzjoni.

L-avukat Elaine Mercieca deher għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-avukat Stephen Tonna Lowell deher għall-akkużat.

L-avukat Stefano Filletti deher għall-parte civile.