“Ir-raġel li nstab mejjet kien għadu joħroġ minn riabilitazzjoni”

Facebook/Millennium Chapel

Ir-raġel li nstab mejjet b’overdose fil-Milied kien għadu kemm ħareġ mill-programm tar-riabilitazzjoni. Dan qalu Fr Hilary Tagliaferro ma’ Newsbook.com.mt meta ġie mistoqsi dwar l-attivitajiet organizzati matul is-sena u fi żmien il-Milied mill-Millennium Chapel.

Fr Hilary spjega li fi żmien il-festi dejjem ikun hemm żieda fl-inċidenti tat-tip, u semma l-każ speċifiku tal-bieraħ li sostna hija sfortuna.

Jinstab raġel mejjet fil-Marsa

Meta tkellem dwar ix-xogħol tal-kappella, Fr Hilary qal li filwaqt li oħrajn jaf qed jieħdu pjaċir mal-familji u l-ħbieb tagħhom, hemm ħafna oħrajn li qed isofru. Spjega li hawn ċertu familji li lanqas għandhom biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum, bil-wisq inqas il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Hampers u vouchers tal-ikel imqassma lill-familji

Fr Hilary qal ma’ Newsbook.com.mt li l-familji li kull ġimgħatejn imorru l-Millenium Chapel jiġbru l-ikel irċevew hamper mimli prodotti li għandhom iservuhom għal ftit aktar. Mal-hamper ingħataw ukoll xi tiġieġ, dundjan u ħut, u anke xi vouchers tal-ikel.

Spjega wkoll kif l-għajnuna ta’ benefattur ġiet organizzata wkoll ikla għal 140 familja fil-bżonn.

“Ħafna minn dawn spiċċaw bla dar”

Fr Hilary rrakkonta kif ħafna minn dawn il-persuni spiċċaw bla saqaf fuq rashom għax ma setgħux ilaħħqu mal-kera, jew għax il-kera tagħhom żdiedet b’mod drastiku u spiċċaw ma għandhomx biex iħallsu.

Fr Hilary qal li filwaqt li ma għandhomx faċilitajiet fejn iħallu persuni jorqdu, u x-xelters ma għadx fadal post għal aktar persuni, huma jħalluhom jistrieħu fil-kappella matul il-ġurnata. Madanakollu, Fr Hilary sostna li ma jafx fejn jispiċċaw dawn il-persuni matul il-lejl.

Inti kif tista’ tgħin?

Fr Hilary qal ma’ Newsbook.com.mt li bosta voluntiera kienu anzjani ritratti li għandhom ċans jagħtu bejn siegħa u tliet sigħat fil-ġimgħa sabiex il-ħidma tal-Millenium Chapel ma tieqafx.

Hu stieden lil kull min għandu ċ-ċans jagħti daqqa t’id u sostna li meta wieħed jagħti, jirċievi lura. Sostna li minħabba li bosta minn dawn il-persuni jsofru mis-solitudni, li jiltaqgħu mal-voluntiera tagħmlilhom tajjeb ħafna.