Min hu l-ħabsi li nstab mejjet fiċ-ċella?

Ir-raġel li nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huwa Ġanni Attard. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi viċin il-każ.

Attard li huwa magħruf bħala “il-Muħa” u li kien jaħdem bħala xufier tal-linja, kien qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li nstab ħati li kien kompliċi għal qtil li seħħ fl-2001. Il-qtil kien dak tal-gwardjan lokali Fortunata Spiteri.

Attard kien għadda ġuri u nstab ħati b’seba’ voti kontra tnejn. Kienu għamlu 24 siegħa jiddeliberaw fl-2010. Hu kien ġie akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju.

Fortunata Spiteri, li kellha 47 sena meta nqatlet, qalgħet ħames daqqiet ta’ sikkina waqt li kienet qed taħdem fi triq bejn ir-Rabat Għawdex u l-Għarb. Il-każ kien seħħ nhar l-10 ta’ Awwissu tal-2001. Attard kien ammetta li hu kien fuq il-post meta seħħ il-qtil ta’ Spiteri imma qal li ma kellu l-ebda involviment fih.

Intant, b’rabta mal-każ, Benny Attard kien intbagħat 30 sena l-ħabs fl-2009 wara li ammetta li kien involut fil-qtil. Intant Giuseppe Farrugia, li kien ukoll akkużat li kellu x’jaqsam mal-qtil, kien laħaq miet qabel mal-każ wasal fi tmiemu quddiem il-Qorti.

Ġanni Attard instab mejjet fiċ-ċella tiegħu kmieni dalgħodu. Dan skont stqarrija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Fil-Qorti kien ħareġ li l-gwardjan lokali kienet inqatlet għax kienet tat wisq ċitazzjonijiet. Ġurnali li rrappurtaw il-każ spjegaw kif Benny Attard kien qal lill-investigaturi li ltaqa’ ma’ Ġanni Attard fuq xarabank u ddeċidew li joqtlu lil Spiteri filgħaxija.

Lura fl-1975, Attard kien ikkawża ġrieħi fuq missieru li kienu wasslu għall-mewt tiegħu. B’hekk, wara dan il-każ, hu kien ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs.