Ir-raġel li kiteb li Metsola jixirqilha tinħaraq ħajja jinħeles mill-arrest

Ir-raġel li għajjar lill-Ewroparlamentari Roberta Metsola “żibel” u kiteb li hi u l-Ewroparlamentari l-oħra, deskritti “tradituri”, messhom jinħarqu ħajjin, mhux se jibqa’ arrestat.
Il-ġimgħa l-oħra Emmanuel Navarro ta’ 66 sena deher il-Qorti akkużat bi tqanqil ta’ mibegħda bbażata politikament, l-użu ħażin ta’ apparat elettroniku, u li insulta lil Metsola bil-kitba, u dakinhar ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Dakinhar il-familja ta’ Navarro kienet qed tistennieh barra l-awla, u apparentament uħud kienu qed jibku talli se jinżamm arrestat.
Madankollu llum il-Maġistrat Grazio Mercieca ħelsu mill-arrest wara li l-anzjan qal fil-Qorti li jiddispjaċih ta’ li kiteb u ammetta li mhux minnu li xtaq li Metsola tinħaraq ħajja jew li hi traditura.
Jidher li lejn tmiem is-seduta bint l-akkużat taha ħass ħażin u kellha tinħareġ mill-awla.
Tkellmet ukoll Metsola, li qalet li b’dawk il-kummenti ħasset li hi u familtha kienu mhedda, għax setgħu taw idea lil ħaddieħor biex iwettaqhom.
L-anzjan irid ukoll iħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.
Il-każ ikompli f’Diċembru.