​Ir-raġel li ġabar tifel mit-triq fis-1am

Raġel ta’ 35 sena huwa dak li salva lil tifel żgħir li kien miexi fit-triq waħdu jġorr iż-żarbun f’idejh f’kesħa xxoqq l-għadam fis-1am.
Simon Buzdygan-Neal, sewwieq ta’ vann ta’ Sainsbury, lemaħ lit-tifel ta’ bejn sentejn u tliet snin, waqt li kien għaddej bit-tqassim ta’ ikel tal-friża, f’Northampton fir-Renju Unit.
Huwa rrakkonta kif waqqaf il-vann f’daqqa meta ra lit-tifel jibki, refgħu u daħħlu fil-vann, waqt li ċempel lill-Pulizija.
Biex it-tifel reġa’ ngħaqad lura mal-ġenituri tiegħu, kellhom jgħaddu kważi erba’ sigħat ta’ taħbit fuq il-bibien tad-djar fl-inħawi.
Simon, li hu missier hu stess, qal li ma jistax jiġġudika lill-ġenituri qabel ma jkun jaf l-istorja kollha. Fisser li ta’ dik l-età, it-tfal ikunu jafu kif jiftħu l-bibien.
Stqarr li din swiet ta’ tagħlima anke għalih, hekk kif mil-lum ’il quddiem mhux se jħalli ċ-ċavetta fejn jilħaqha ibnu.