Aġġornata: Ir-raġel akkużat li xxaħħam fil-Ministeru għas-Saħħa sospiż ukoll minn Transport Malta

Ir-raġel li lbieraħ il-Pulizija qalet qed tinvestigah minħabba tixħim fil-Ministeru għas-Saħħa, illum tressaq il-Qorti u qal li mhux ħati tal-akkużi, u f’ħin minnhom deher jibki.
Fil-Qorti nstema’ kif l-anzjan ta’ 62 sena mill-Gudja jaħdem ukoll bħala uffiċjal ma’ Transport Malta.
L-investigaturi xehdu quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li għandhom telefonati u messaġġi li juru li r-raġel kien qed jippjana li jieħu €600 biex imexxi pazjent f’Mater Dei.
Min-naħa tagħhom il-Pulizija qalu li kienu tqabbdu mill-Ministeru stess biex jinvestigaw, u r-raġel tkeċċa minnufih mix-xogħol.
L-avukat li qed jiddefendi lir-raġel qal li dan sofra dipressjoni u jekk wieħed iqabbel dal-każ m’oħrajn, verament hu wieħed żgħir. Għalhekk argumenta li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat ħelsitu mill-arrest, bil-patt u l-kundizzjoni li ma jersaq imkien qrib ix-xhieda, f’ebda dar tal-anzjani, u lanqas lejn Mater Dei.
Sadanittant, fi stqarrija separata, Transport Malta qalet li wara dak li ntqal fil-Qorti llum, iddeċidiet li tissospendi lir-raġel b'effett immedjat, anki minkejja li r-reat li allegatament wettaq m'għandu x'jaqsam xejn ma xogħlu ma' Transport Malta.