“Ir-rabta bejn ir-raġel u l-mara hija l-ħolma t’Alla għall-ħolqien”

Waqt l-omelija tiegħu, fil-Quddiesa li tat bidu għas-Sinodu Ordinarju tal-Isqfijiet dwar il-Familja, il-Papa Franġisku qal li l-fundament tal-pjan ta’ Alla għal familja hija r-rabta bejn ir-raġel u l-mara.
“Din hija l-ħolma t’Alla għall-ħolqien, li jaraha tilħaq il-qofol tagħha fir-rabta ta’ bejn ir-raġel u l-mara,” qal il-Papa Franġisku.
Huwa kompla li dan il-pjan huwa l-istess wieħed li jippreżenta l-Evanġelju ta’ San Mark meta jikkwota lil Ġesù jgħid li “sa mill-bidu, Alla ħalaqhom raġel u mara.”
“Għalhekk ir-raġel iħalli lill-missieru u l-ommu u jingħaqad ma martu, u hekk isiru ġisem wieħed,” kompla jikwota l-Papa Franġisku.
Tkellem dwar id-diversi każi ta’ solitudni, fejn qal li minkejja l-progress tal-ħajja, is-sigurtà li wieħed iħoss fil-familja dejjem qed tonqos.
Bħal Adam fil-Ġenesi, minkejja l-kumdità, illum qed tiżdied is-solitudni u qed tonqos fil-bniedem ix-xewqa li jibni relazzjonijiet b’saħħithom, kompla l-Papa.
“Is-soċjetajiet l-aktar avvanzati huma dawk bl-inqas rata tat-twelid u bl-akbar persentaġġ ta’ abort, divorzju u suwiċidju,” kompla Franġisku. “Il-Kelma t’Alla turina li Alla ma ħalaqniex biex ngħixu waħedna. Ħalaq ir-raġel u l-mara biex jaqsmu l-ferħ, biex iħobbu u biex jinħabbu u jagħtu l-frott permezz tat-tfal.”
Il-Papa spjega li għal Alla, iż-żwieġ mhux xi utopja, iżda ħolma li mingħajrha l-bniedem huwa solitarju.
Żied li l-Knisja hija msejħa li tkompli tmexxi l-missjoni tagħha dwar il-ħajja tal-familja, imsawra fil-fedeltà, il-verità u l-imħabba. Kompla li l-missjoni tal-Knisja għandha timxi fuq il-verità u mhux titkaxkar mal-kurrent u l-opinjonijiet popolari.
Il-Papa temm l-Omelija tiegħu billi talab lil Alla jakkumpanja l-Knisja u l-isqfijiet matul id-diskussjonijiet. Huwa poġġa dan is-Sinodu taħt il-ħarsien tal-Madonna u San Ġużepp.