Ir-Rabat bl-aktar każi ta’ rimi ta’ skart illegali f’xahrejn

Fi żmien xahrejn, ir-Rabat irrapporta l-akbar ammont ta’ każi ta’ rimi ta’ skart illegali. Dan ħareġ f’tabella li ppreżenta l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia fil-Parlament.

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar staqsa lill-Ministru sabiex jikkjarifika jekk tul il-perjodu tal-imxija tal-coronavirus kienx hemm rapporti ta’ rimi ta’ skart b’mod illegali u x’passi qed jittieħdu dwarhom.

Il-Ministru Farrugia qal li sa fejn jidħol il-Ministeru tiegħu, bejn it-2 ta’ Marzu u t-12 ta’ Mejju, id-Direttorat tal-Infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċieva 38 rapport ta’ rimi ta’ skart. Spjega li dawn jinkludu rapporti ta’ rimi ta’ kwalunkwe tip ta’ skart, inkluż dak domestiku.

Irrimarka li r-rapporti kollha kienu investigati u ttieħdu passi skont il-liġi, inkluż ħruġ ta’ multi.

L-ogħla rata ta’ każi kienet fir-Rabat f’Malta b’total ta’ 10 każi. Il-Mellieħa u Ħal Qormi kellhom tliet każijiet irrapurtati kull wieħed. Birżebbuġa u n-Naxxar kellhom total ta’ żewġ każi kull wieħed. Intant kien hemm każ wieħed biss f’dawn l-irħula: is-Sannat, Ħal Luqa, l-Għarb, il-Marsa, Ħal Għargħur, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, Ħad-Dingli, Ħal Tarxien, Mosta, Marsaskala, L-Imsida, Qrendi, Pembroke, Mġarr, Għajnsielem u s-Siġġiewi.

F’Awwissu tas-sena li għaddiet l-esk-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li ngħataw 918-il multa fuq rimi ta’ skart illegali f’inqas minn xahrejn f’ħidma konġunta bejn il-LESA u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni. Il-ġbir tal-iskart kien qed isir b’mod intensiv fil-lokalitajiet kollha u mhux biss f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija, minkejja li l-ogħla ammont ta’ taħrik kien sar f’dawn l-aħħar lokalitajiet.