Ir-raba’ vapur t’Għawdex se jasal Malta nhar it-Tnejn

Ir-raba’ vapur fil-flotta tal-Gozo Channel għandu jasal Malta nhar it-Tnejn li ġej fit-8am.

Dan skont is-sit elettroniku Marine Traffic, li jindika fejn jinsab il-vapur Nikolaos fi triqtu lejn Malta mill-Greċja. Il-Ministru Justyne Caruana ħabbret fil-Parlament li l-vapur ġej Malta “fil-ġranet li ġejjin,” iżda ma speċifikatx meta. Il-Membru Parlamentari Chris Said staqsieha jekk il-vapur hux se jinkera bl-ekwipaġġ b’kollox u jekk iva, għal kemm żmien se tkun il-kirja u kemm se jkun il-ħlas għal kull ġurnata. Caruana ma weġbitx dawn il-mistoqsijiet.

Ir-raba’ vapur se jibda jaħdem “fil-ġranet li ġejjin” – Justyne Caruana

Skont sors ta’ Newsbook.com.mtfis-sigħat li ma jkunx qed jaħdem il-vapur, il-post għall-irmiġġ tiegħu se jkun fiċ-Ċirkewwa minħabba li fil-Port tal-Imġarr m’għadx baqa’ wisa’ għall-irmiġġ, anke minħabba l-fatt li Nikolaos huwa ikbar mill-vapuri l-oħra tal-Gozo Channel.

F’Mejju li għadda, wara li tħabbar ir-raba’ vapur li se jkun qed jiżdied temporanjament mal-flotta tal-Gozo Channel, kelliem għall-vapur il-ġdid bl-isem Nikolaos qal li l-vapur jakkomoda 160 karozza, 650 passiġġier fis-sajf u 350 passiġġier fix-xitwa.

 

Chris Said kien sostna li filwaqt li hemm min qed jgħid li l-vapuri eżistenti jridu jinbidlu fi żmien 10 snin, malli jagħlqu 30 sena, il-vapur li nkera biex jiżdied mal-flotta tal-Gozo Channel għandu 32 sena.

Fi Frar tal-2019, il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana qalet li l-vapuri tal-Gozo Channel huma uniċi u għalhekk diffiċli jinstab vapur ieħor li jista’ jiżdied mal-flotta.