“Ir-raba’ vapur suċċess; naqsu l-kjus” – GTA

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) qalet li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel tejjeb sostanzjalment il-konnettività bejn Malta u Għawdex, skont ir-rispons li rċiviet minn membri li jaħdmu fis-settur turistiku.

Aqra: Ir-raba’ vapur effiċjenti; mhux storbjuż – Il-Ministru Caruana

Spjegat li b’din iż-żieda, il-Gozo Channel qed ikollu 74 vjaġġ ta’ kuljum bejn Malta u Għawdex, bi frekwenza ta’ vjaġġ u nofs kull siegħa miż-żewġ naħat, mill-Imġarr u miċ-Ċirkewwa. Dan it-titjib fis-servizz, qalet l-Assoċjazzjoni, ġie nnutat partikolarment fi tmiem il-ġimgħa, peress li naqsu l-kjus kemm fl-Imġarr u anke fiċ-Ċirkewwa.

Aqra: Skeda ġdida tal-vapuri mit-Tnejn; żieda ta’ 16-il vjaġġ

Dwar in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà li għandu r-raba’ vapur, xi ħaġa li ġie kkritikat għaliha, l-Assoċjazzjoni qalet li hu evidenti li din iż-żieda kellha ssir f’ġieħ il-konnettività.

Aqra: L-aċċessibilità fil-vapur Nikolaos diskussa fil-Parlament

L-Assoċjazzjoni temmet billi rringrazzjat lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana talli rat li tiġi implimentata din il-miżura, kif ukoll għall-proċeduri li qegħdin fil-proċess sabiex jerġa’ jkun hemm servizz tal-ħelikopter.

Aqra: Filmat: Il-wasla tar-raba’ vapur