Ir-raba’ vapur se jibda jaħdem “fil-ġranet li ġejjin” – Justyne Caruana

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel mistenni jibda jaħdem “fil-ġranet li ġejjin”.

Caruana qalet dan f’risposta għall-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Chris Said. Said staqsa wkoll jekk il-vapur hux se jinkera bl-ekwipaġġ b’kollox u jekk iva għal kemm żmien se tkun il-kirja u kemm se jkun il-ħlas għal kull ġurnata. Caruana ma weġbitx dawn il-mistoqsijiet.

F’Mejju li għadda, wara li ġie mħabbar ir-raba’ vapur li se jkun qed jiżdied temporanjament mal-flotta tal-Gozo Channel, kelliem għall-vapur il-ġdid bl-isem Nikolaos qal li l-vapur jakkomoda 160 karozza, 650 passiġġier fis-sajf u 350 passiġġier fix-xitwa.

Filmat: ‘Ir-raba’ vapur se jakkomoda 160 karozza’

Chris Said kien sostna li filwaqt li hemm min qed jgħid li l-vapuri eżistenti jridu jinbidlu fi żmien 10 snin, malli jagħlqu 30 sena, il-vapur li nkera biex jiżdied mal-flotta tal-Gozo Channel għandu 32 sena.

Fi Frar tal-2019, il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana qalet li l-vapuri tal-Gozo Channel huma uniċi u għalhekk diffiċli jinstab vapur ieħor li jista’ jiżdied mal-flotta.