Ir-raba’ vapur effiċjenti; mhux storbjuż – Il-Ministru Caruana

Christoph Schwaiger

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel huwa iktar veloċi tant li jagħmel il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex f’inqas minn nofs il-ħin tal-vapuri l-oħra. Ċaħdet li hu storbjuż.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija supplementari tad-deputat Herman Schiavone, il-Ministru qalet li l-vjaġġ qed jieħu 12 -il minuta għal kuntrarju tat-30 minuta tal-vapuri l-oħra. Saħqet li bis-saħħa ta’ dan il-vapur, żdiedu n-numru ta’ vjaġġi, tant li qed isiru 16-il vjaġġ iktar kuljum.

Hi qalet li tul l-aħħar weekend, ma kien hemm l-ebda kju la fiċ-Ċirkewwa u lanqas fl-Imġarr f’Għawdex.

Schiavone staqsa jekk hux minnu li dan il-vapur mhux qed jiġi utilizzat bil-lejl minħabba l-istorbju li jagħmel. Il-Ministru ċaħdet li hu storbjuż.