Filmati: “Ċans għal riformi fil-PN b’dan ir-riżultat” – Puli

Luke Zerafa

Read in English.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli stqarr li r-riżultat elettorali tal-lum jagħti opportunità lill-PN biex jimxi ‘l quddiem, billi jkompli jagħmel ir-riformi u t-tibdiliet meħtieġa.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Puli saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed jilqa’ dan ir-riżultat b’umiltà iżda fl-istess ħin irid jirrifletti dwar x’intqal, minn min u kif intqal.

Dwar ir-rebħa ta’ 55.1% mill-Partit Laburista, Clye Puli sostna li kien qed jitbassar riżutat agħar fl-aħħar sena. Fost l-oħrajn semma distakk ta’ 88,000. Madanakollu stqarr li fl-aħħar ġimgħat l-affarijiet fil-PN bdew jistabbilizzaw ruħhom u li għalhekk fi kliemu tagħti ċertu sens ta’ tama, biex l-affarijiet ma jibqgħux sejrin daqshekk ħażin. Fisser li dan jawgura tajjeb għall-futur, u li kulħadd għandu jemmen fil-proposti tal-PN, li fi kliemu huma tajbin, u li dawn għandhom jitwasslu bl-aħjar mod lin-nies kollha.

Ir-raba’ siġġu għadu mdendel – Arrigo

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo qal li skont il-kapjuni ta’ voti li ġabar il-Partit Nazzjonalista jidher li l-Partit qed jirkupra d-distakk li hu ta’ madwar 40,000 vot li huwa inqas minn dak li kienu qed jindikaw id-diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika li saru tul il-kampanja elettorali.

Arrigo qal li r-raba’ siġġu għandu imdendel għax il-Labour m’għandhomx r-raba’ kwota u l-Partit Nazzjonalista m’għandux it-tliet kwota.

Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li r-riżultat elettorali jimla’ bil-kuraġġ lill-Partit Laburista u lill-Gvern biex ikomplu bil-ħidma tagħhom.

Meta kien qed jagħti l-ewwel kummenti tiegħu wara li tħabbar ir-riżultat elettorali, Micallef qal m’għandux ħlief kliem ta’ ringrazzjament lejn il-poplu Malti li reġa’ ta fiduċja lill-Partit Laburista.