AWDJO: Mass Meeting tal-PL fin-Naxxar

Waqt attivita’ tal-massa fin-Naxxar, il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat qal li l-Partit tiegħu se jibqa jagħmel ħiltu biex ikompli jaħdem kontra n-negattivita’ ta’ ħaddieħor. Huwa sostna li dak li jgħodd mhux kemm ikollok proposti imma li twettaqhom. Dr Muscat aċċerta lin-nies li dak li l-Partit tiegħu qed iwiegħed, se jiġi mwettaq. Dr Muscat kompla jgħid li l-proposti huma maħsuba biex inaddfu lil politika minn kull forma ta’ korruzzjoni. Il-mexxej tal-Partit Laburista qal li Malta għandha bżonn bidla fid-direzzjoni għax 25 sena kienu biżżejjed, anzi żżejjed. Dr Muscat ħeġġeġ lil min għadu mhux deċiż dwar il-vot tiegħu biex jagħti risposta lil min qiegħed jinjorah.

Aktar kmieni:

16.05 Jintemm id-diskors tal-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat.

16.04 Ivvutaw lil dan il-Moviment…lil min qed jiddubita, għidulhom li aħna nemmnukom, ejjew magħna, postkom hu magħna. Fadal 19-il jum u rridu nikkonvinċu…ejja lkoll nirsistu għax ix-xogħol, il-ħelsien, l-indipendenza, is-saħħa taż-żgħażagħ, l-enerġija, ir-rieda li neqirdu l-politika tribali, is-saħħa u l-istituzzjonijiet edukattivi huma tagħna lkoll…pajjiżna hu tagħna lkoll.

16.03 Lil dawk li għadhom ma ddeċidewx issa hu l-waqt li ngħidulhom li wasal il-mument li kulħadd juri lil min ilu jinjorah…irridu nużaw il-vot tagħna biex fl-aħħar nagħtu sinjal biex fid-9 ta’ Marzu tivvutaw għall-bidla fid-direzzjoni u għall-għaqda nazzjonali f’pajjiżna.

16.00 Jekk ħaddieħor qata’ qalbu minnkom, jien nemmen fikom. Lilkom kollha li ngħaqadtu f’dal-Moviment, grazzi talli qed niktbu dan il-kapitlu fl-istorja ta’ pajjiżna flimkien, għax ħadd m’għandu monopolju…ninsabu flimkien fuq in-naħa tas-sewwa fl-istorja.

15.57 F’dal-pajjiż trid tisbaħ l-għodwa li tagħtina s-saħħa nkunu iżjed pożittivi fejn tisseddaq l-għaqda.

15.56 Irridu nnaddfu l-politika minn dan kollu u għalhekk li dal-Moviment qed iressaq quddiemkom aġenda ta’ trasparenza b’tijm maqgħud li lest iservi lill-poplu kollu, għax kulħadd jifhem li 25 sena huma biżżejjed, anzi issa huma żżejjed.

15.55 Is-Sunday Times kixfet li l-Gvern kien ilu jaf b’kummissjonijiet li ttieħdu sentejn. Kif jista’ jkun li l-Gvern ikollu dawn id-dokumenti kollha u ma jieħux azzjoni? Inkwiet ieħor jiżdied li saħansitra politiċi ngħataw rigali, kif svelat mill-Malta Today.

15.54 Il-proposti tagħna huma maħsuba biex inaddfu l-politika mill-ħmieġ tal-korruzzjoni.

15.53 Irridu li min sejjer tajjeb imur aħjar għax f’soċjeta li trid timxi ‘l quddiem importanti li mhux int biss tmur tajjeb imma għajrek ukoll. Dan ifisser li tinbena middle class ġdida.

15.52 Ir-roadmap li qed nipproponu għall-enerġija hi l-uniku mod kif jingħata l-ispazju għall-mobilita soċjali biex il-ġenituri jwettqu l-ħolma tagħhom li jaraw lil uliedhom aħjar minnhom.

15.50 Il-kwistjoni mhux min għandu l-iżjed proposti, imma min verament iwettaqhom dawk il-proposti. B’wiċċi minn quddiem ngħid li jien ċert li aħna se nwettqu dak li qed inwiegħdu. Il-proposti tagħna huma realistiċi.

15.48 Se nkunu ferm aktar pożittivi. Aktar ma ħaddieħor se jegħreq fin-negattivita, aktar inżidu l-enerġija tagħna biex naħdmu għall-għaqda.

15.46 In-negattivita turi li ħaddieħor mhux jinduna li n-nies xebgħu. Nistennew fil-ġimgħat li fadal l-agħar attakki politiċi negattivi ta’ kull żmien.

15.45 Se naħdem magħkom u nissielet biex ngħix magħkom iċ-ċelebrazzjonijiet li jġibu magħhom dal-ġrajjiet. Dan hu s-sentiment tal-għaqda li se jegħleb il-firda.

15.44 Qumu u rrealizzaw li dan il-pajjiż qed jinbidel. Il-poplu qed juri li wasal iż-żmien għal bidla fid-direzzjoni. Ejjew nuru li aħna lkoll ulied l-istess omm…kburin bl-indipendenza, bil-ħelsien u bir-repubblika – ġrajjiet li għandhom l-ilwien li jagħmluna Maltin.

15.42 Ninsabu fil-post li jfakkarna fil-ġrajja tal-Indipendenza li ħa pajjiżna – jum kbir għal Malta, li jagħmilna dak li aħna llum, jum li flimkien mal-ġrajjiet nazzjonali l-oħra, jgħaqqadna.

15.40 Jasal fuq il-palk ewlieni Dr Joseph Muscat u jibda jindirizza l-mass meeting.

15.25 Jindirizza l-massa l-mexxej tas-Soċjalisti Demokratiċi Ewropej, Hans Svoboda.

15.20 Il-folla miġbura fi Vjal il-21 ta’ Settembru tistenna l-wasla tal-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat.