Ir-raba’ elezzjoni f’erba’ snin fi Spanja

Votanti fi Spanja qed jissejħu għar-raba’ darba f’erba’ snin biex jitfgħu il-vot tagħhom f’elezzjonijiet ġenerali.

Fl-aħħar elezzjonijiet li saru f’April, il-Partit Soċjalista fil-Gvern rebaħ l-akbar ammont ta’ voti iżda mhux biżżejjed siġġijiet biex jifforma gvern stabbli.

Il-pajjiż ilu ma jkollu gvern stabbli mill-2015.

Il-vot tal-lum qed ikun imtappan mill-irvellijiet f’Katalunja u l-popolarità tal-partit tal-lemin Vox.

Wara l-vot f’April, il-Prim Ministru Pedro Sánchez daħal f’diskussjonijiet għall-formazzjoni ta’ koalizzjoni mal-Partit tax-Xellug Podemos iżda dawn fallew u ntilfet il-possibiltà li jiffurmaw Gvern sa Settembru li għadda.

Hekk kif għalaq il-kampanja elettorali l-Ġimgħa filgħaxija, Sánchez qal lill-partitarji tiegħu: “Il-poplu Spanjol għandu żewġ għażliet: jew li jivvottaw għal Partit Soċjalista biex ikollhom Gvern jew għall-partiti l-oħra biex jimblukkaw il-progress tal-pajjiż.”